Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Projbit il-bejgħ tal-birra fl-istadiums tal-Qatar

(Ritratt: EPA)

Aktar kmieni tħabbar li mhux se jkun hemm bejgħ ta’ birra fit-tmien stadiums tal-Qatar li fihom se jintlagħbu l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja. Dan kien U-turn minn naħa tal-pajjiż organizztur li fil-ftehim mal-FIFA kien aċċetta li jsir bejgħ ta’ birra fl-istadiums waqt il-logħbiet. Fil-Qatar l-użu tal-alkaħol huwa strettament projbit. Intant il-FIFA ħarġet stqarrija biex tipprova tmewwet ftit din l-aħbar.

Il-FIFA qalet li se jkun hemm għall-bejgħ birra mhux alkaħolika u qalet ukoll li xampanja, inbid u whiskey se jkunu servuti fil-hospitality areas. Ovvjament il-maġġoranza kbira ta’ partitarji mhux se jkunu f’dawn iż-żoni lussużi. Il-bejgħ ta’ alkaħol se jkun ukoll permess fil-fans zones organizzati mill-FIFA, iżda barra minn dawn iż-żoni il-bejgħ se jkun strettament projbit.

Din hi daqqa ta’ ħarta għal wieħed mill-siponsors, il-Budweiser li tħallas għexieren ta’ miljuni ta’ dollari f’esklussivita’ biex tinbiegħ biss din il-birra waqt it-Tazza tad-Dinja. Fil-fatt il-kumpanija diġa’ kienet ittrasportat ammont sostanzjali ta’ prodotti fil-Qatar. Il-kollaborazzjoni bejn il-FIFA u Budweiser tmur lura sal-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-Messiku fl-1986.