Lokali

Sitt vetturi jinħarqu f’San Ġwann

Il-Pulizija qed tinvestiga każ li seħħ matul il-lejl li għadda f’San Ġwann, fejn numru ta’ vetturi inqerdu minn nirien.

Il-każ seħħ ftit wara nofs il-lejl, fi Triq Feliċ Borg, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm vettura qed taqbad. Il-karozza, tal-għamla BMW, kienet ipparkjata mal-ġenb tat-triq.

Kelliem għall-Pulizija kkonfermalna li minħabba n-nar qawwi li ħakem din il-karozza, kien hemm ħames vetturi oħra li ġarrbu ħsarat. Dan apparti ħsarat fil-faċċati ta’ ħwienet u residenza li hemm fl-istess triq.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejin, filwaqt li l-Maġistrat Charmaine Galea qed tmexxi inkjesta.