Il-Ministru Owen Bonnici qed jinsisti li fl-iskandlu tal-Orkestra Nazzjonali “aġixxa b’mod korrett”. Għalkemm hu stess stqarr ma’ Net News li meta marret il-vittma tirrapporta għandu hu ma marx għand il-Pulizija.
F’kummenti lil Net News, Owen Bonnici issa qalilna li l-vittma marret għandu fis-7 ta’ Settembru – meta sa ftit ilu kien qed jgħid li marret tkellmu fis-6 ta’ Settembru.
“It-tfajla li hija vittma ta’ fastidju sesswali ġiet tkellimni fl-uffiċċju distrettwali tiegħi fis-7 ta’ Settembru“
Il-Ministru tenna bosta drabi li meta marret il-vittma għandu hu bagħat lill-Kummissarju kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, Audrey Anne Friggieri. Iżda ma marx direttament għand il-Pulizija.
Owen Bonnici: Jien bgħatt lill-Kummissarju kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Audrey Anne Friggieri, dak il-ħin, biex tagħti l-assistenza kollha lit-tfajla, biex tigwidaha bl-aħjar mod dwar id-drittijiet li għandha.
Ġurnalist: Ministru mort għand il-Pulizija?
Bonnici: Jien iggwidajt lit-tfajla billi quddiemha stess bgħatt lill-Kummissarju
Hawn, Owen Bonnici qalilna li ħa il-miżuri korretti.
Ġ: “Ministri, Deputati sħabek qalu li kienu jmorru għand il-Pulizija minnufih, għalxiex ma taħsibhiex l-istess?
Bonnici: Jiena dehrli li ħadt il-miżuri korretti
Ġ: Ma tħossx li nqastha lill-vittma?
Bonnici: Jien lil din il-vittma rreferejtha lill-Kummissarju, quddiemha, bil-miktub, kont nonqos kieku m’għamilt xejn.
Ġ: Il-vittma iżda fil-Qorti qalet li ħadd ma ta każha, li qalulha li kienet qed tessaġera… [skużani se nkompli ftit]
Bonnici: Jien kont nonqos, kieku meta ġiet tkellimni, jien m’għamilt xejn, kif qed tallegaw intom. Mhux veru jien irreferejtha.
Ġ: Ma mortx iżda għand il-Pulizija. M’aħna nallegaw xejn. Mort għand il-Pulizija iva jew le? Għalxiex trattenejt biex tmur għand il-Pulizija? Ministri sħabek qalu li kienu jmorru minnufih għand il-Pulizija, inti x’għandek differenti?
Bonnici: Il-kamra tal-aħbarjiet tan-NET ilha dawn l-aħħar jiem tgħid li jien m’għamilt xejn.
Il-Ministru tal-Kulutra fl-ebda ħin ma wieġeb għall-pressjoni li qed issirlu biex jerfa’ r-responsabbiltà politika.
Ġ: Ir-responsabbiltà politika min se jerfaha?
Bonnici: Hemm proċeduri għaddejjin kontra s-CEO, proċeduri kriminali, int tifhem, la darba dawn il-proċeduri għadhom mhux konklużi jien ma nistax nikkumenta fuq affarjiet li huma marbuta ma’ proċeduri li għadhom għaddejjin u għalhekk ma nistax nikkumenta.
Ġ: Dwar ir-responsabbiltà politika allura wkoll ma tistax tikkumenta?
Bonnici: Fuq responsabbiltà jien fil-fehma tiegħu aġġixejt b’mod korrett.
Lil Owen Bonnici, saqsejnih ukoll għaliex ma attendiex għall-programm NetLive, biex ħarab minn dan id-dibattitu.
Ġ: Għalxiex ma attendejtx id-dibattitu li kont mistieden fuq NetLive?
Bonnici: Weġibt id-domandi kollha, qed inwieġeb dalgħodu wkoll.
Ġ: Ma ħassejtx li kellek tiġi fi programm fuq Net TV?
Bonnici: Mhux kwistjoni ta’ xi tħoss u ma tħossx, din kwistjoni li jien diġà kelli programmi fuq ix-Xandir Nazzjonali.
Wara xhur ta’ fastidju sesswali, l-impjegata tal-Orkestra Nazzjonali kellha tirriżenja, filwaqt li min abbuża u l-Kap Eżekuttiv Sigmund Mifsud jinsabu fuq half-pay.
Mifsud, b’mod separat, qed jaffaċċja akkużi li prova jaħbi dak kollu li seħħ. Hu qiegħed barra fuq libertà proviżorja.
Dan il-każ li seħħ fl-Orkestra ġab kundanna kbira anke mil-lobby tan-nisa, illi appellaw biex ma jkunx hemm xi forma ta’ cover-up.
//= $special ?>