Lokali Mużika

Spettaklu u kuluri fil-Festival Żigużajg

Għat-12-il sena, il-poplu Malti se jerġa jkollu l-opportunità jgawdi l-festival popolari ‘ŻiguŻajg’ – festival internazzjonali tal-arti, b’diversi attivitajiet edukattivi organizzati għat-tfal u l-istudenti.

Għal din is-sena l-festival Żigużajg se jwassal diversi wirjiet artistiċi kemm bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż, fejn l-udjenza mhux talli hija mistiedna tattendi għal dawn il-attivitajiet…iżda se tkun qed tinħass ukoll l-esperjenza diretta mal-atturi, ż-żeffiena u l-kantanti parteċipanti.

Wirjiet letterarji wkoll, imżewqa flimkien ma’ dawk mużikali u dan kollu hu garanzija li, għal sena oħra, il-festival ser ikun wieħed ta’ suċċess għall-pubbliku, speċjalment għat-tfal li ser ikunu mistiedna wkoll sabiex jieħdu sehem f’diversi attivitajiet li jkunu qegħdin iseħħu.

Fost l-oħrajn l-ispettaklu se jkun jinkludi xeni rebbieħa tal-Premju tal-Ktieb Terramxka 2022. Il-festival se ikun qiegħed mifrux kemm fi Spazju Kreattiv, kemm fit-Teatru Manoel, fl-Univetsità tal-Belt, fl-iskola Primarja tal-Belt u kif ukoll fil-Festival tal-Ktieb fl-MFCC f’Ta’ Qali.

Tul it-tnedija saret enfasi li l-attivitajiet se jagħmlu enfasi dwar l-inklussività, fejn anki l-artisti se jkunu ġejjin minn kull ġeneru. L-attivitajiet tal-festival bdew il-Ġimgħa u għandhom jibqgħu għaddejjin sa 27 ta’ Novembru.