Lokali

“Trattawh agħar minn kriminal meta l-Pulizija eskortawh ‘il barra mill-Isptar”

Accept Analitiċi cookies to view the content.

“Eskortawh bil-Pulizija mill-Isptar lejn daru – Trattawh agħar minn kriminal.”

Dan huwa ir-rakkont illi tawna il-qraba ta’ anzjan ta’ 84 sena, illi jinsabu frustati għall-mod li bih dan ir-raġel spiċċa miet waħdu f’għadira demm wara li ġie skortat mill-Pulizija ‘il barra mill-Isptar Mater Dei .

Ħu l-anzjan, li tkellem ma’ Net News, spjega kif ħuh ma ħassux li għadu f’saħħtu biżżejjed biex joqgħod id-dar waħdu wara li kien għamel operazzjoni diffiċli. Madanakollu, post ieħor fejn jibgħatuh ma kellhomx u b’hekk għażlu li jitfawh ‘il barra mill-Isptar.

Ħuh, li xtaq jibqa’ anonimu, qalilna li ħadd mill-qraba ma ġie mgħarraf li l-anzjan se jintbagħat lura d-dar, bil-Pulizija jitfawh wara biebu u jitilquh waħdu.

Kompla jispjega li daqs disa’ sigħat wara, l-anzjan ċempel l-emerġenza għax kien qed jaqta’ nifsu iżda l-għajnuna waslet tard wisq … u l-anzjan miet fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa.

Il-ġranet li għaddew ma kienux faċli għall-qraba tiegħu hekk kif dawn ma ġewx avżati dwar dak li qed jiġri. Fil-fatt, lanqas ġew mgħarfa li l-awtopsja kienet tlestiet u b’hekk setgħu jagħmlulu l-funeral… bil-qraba għadhom s’issa m’għandhomx aċċess għad-dar fejn kien jgħix dan ir-raġel.

Dan kollu seħħ wara nuqqas kbir ta’ infermiera li mhux qed ilaħqu mad-djar tal-anzjani tal-Gvern b’riżultat li l-Union tal-Infermiera ħadu direttivi biex ma jaċċettawx anzjani ġodda f’San Vinċenz de Paul. Dan minħabba li kull sala qed ikollha biss infermier jew tnejn.

U fl-istess waqt…..dan qed iwassal biex is-sodod fl-Isptar qed jittieħdu minn anzjani li mhumiex biżżejjed f’saħħithom biex imorru lura d-dar… b’oħrajn qed jispiċċaw, jifilħu jew ma jifilħux, skortati mill-Pulizija lura f’darhom.

Quddiem dan kollu, il-Gvern ma ħa l-ebda azzjoni biex tissolva din is-sitwazzjoni tal-biki li l-anzjani u l-infermiera qed jaffaċjaw ta’ kuljum.