Lokali Saħħa

23 għaqda jappellaw għal bżonn urġenti li tiġi rregolata s-sitwazzjoni ta’ “free for all” fl-użu tal-Kannabis

L-iżviluppi riċenti madwar il-ħatra ta’ Chairperson Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità tal-Kannabis jikkonfermaw ir-riżervi qawwija tagħna li l-Gvern daħħal leġiżlazzjoni b’impatt kbir fuq is-soċjetà b’mod mgħaġġel u mingħajr ma ħoloq strutturi effettivi biex il-liġi tiġi implimentata.

Dan intqal minn grupp ta’ għaqdiet, li kritikaw bl-aħrax lill-Gvern għall-mod kif imbotta ‘l quddiem din il-liġi.

Sena wara li ġiet approvata l-liġi, il-perċezzjoni li l-użu tal-kannabis fis-soċjetà tagħna sar “free for all” żdiedet b’mod drammatiku filwaqt li jispikka n-nuqqas tal-istrutturi kkontemplati mil-liġi biex jirregolaw.

L-għaqdiet hawn taħt iffirmati jesprimu t-tħassib tagħhom li, wara l-isforz qawwi li sar biex tgħaddi il-liġi, il-Gvern ma weriex l-istess rieda biex jinvesti fir-riżorsi meħtieġa biex titwaqqaf Awtorità b’saħħitha li timplimenta l-liġi b’mod serju u responsabbli.

Nawguraw li l-Awtorità tal-Kannabis tingħata r-riżorsi meħtieġa biex tiżviluppa l-istrutturi xierqa biex tirregola settur daqshekk sensittiv b’mod li jipproteġi l-interessi tal-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, partikolarment it-tfal u ż-żgħażagħ.

Inħeġġu wkoll lill-Gvern biex jisma’ mis-soċjetà, partikolarment minn dawk l-għaqdiet li jaħdmu ta’ kuljum mal-vittmi tal-effetti negattivi tal-użu ta’ sustanzi, inkluż dak tal-kannabis.

L-istqarrija ħarġet minn Caritas Malta, il-Malta Association of Psychiatry, il-Fondazzjoni OASI, il-Maltese Association of Social Workers, ir-Richmond Foundation, il-Kamra tal-Ispiżjara, il-Malta Employers Association, is-Secretariat for Catholic Education, l-Anti-poverty Forum, Church Schools Association, Alleanza Kontra l-Faqar, Independent Schools Association, Gozo Tourism Association, Karl Vella Foundation, Gozo Business Chamber, Dar Osanna Pia, Dar Tal-Providenza, Fondazzjoni Paolo Freire, Millenium Chapel, St Jeanne Antide Foundation, Dar Merħba Bik, Kummissjoni Ġustizzja u Paci u l-Fondazzjoni Sebħ.