Is-Sibt filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar il-komunità tal-Birgu qalb diversi għaqdiet u soċjetajiet sinonimi ma’ din il-lokalità. Kif ukoll ma’ sidien ta’ diversi negozji.
L-ewwel żjara li għamel kien fir-Regatta Club tal-Birgu fejn żar ukoll l-akkademja. Bernard Grech tkellem dwar l-entużjażmu taż-żgħażagħ u l-ħidma tagħhom fi ħdan dan l-isport.
Dan filwaqt li spjega wkoll uħud mill-isfidi li dawn il-persuni qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
Bernard Grech żar ukoll il-Kunsill Lokali tal-Birgu fejn żar wirja kif ukoll il-Każin tas-Soċjetà Mużikali San Lawrenz Belt Vittoriosa kif ukoll il-Każin ta’ San Duminku.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista dwar l-importanza li dawn il-kumitati jingħataw l-attenzjoni u s-sostenn kollu meħtieġ bil-għan li l-ħidma tagħhom tibqa’ miexja ‘l quddiem.
Kienu diversi wkoll il-persuni li fi triq waqfu jkellmu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn irringrazzjawh tal-ħidma kontinwa tiegħu filwaqt li qasmu miegħu uħud mill-isfidi li jkollhom.
Huwa saħaq li b’dan il-mod, bil-kuntatt kontinwu maċ-ċittadini l-Partit Nazzjonalista jrid verament jaħdem sabiex iwassal politika li fiċ-ċentru tagħha jkun hemm il-familji Maltin u Għawdxin…b’politika tan-nies..għan-nies.
//= $special ?>