Il-Ġimgħa fil-pitch ta’ Birkirkara u quddiem folla numeruża ntlagħbet il-Finali tan-Knock Out tlieta kontra tlieta magħrufa bħala t-Tazza tal-Anġlu bejn it-timijiet ta’ Msida u Għaxaq.
Il-klabb ta’ l-Msida naqqax ismu fil-kotba tal-federazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-klabb bir-rebħ ta’ din it-tazza, li kkonfermaw l-istaġun mill-aqwa li kellhom wara li rebħu wkoll il-Kampjonat ta’ l-Ewwel Divizjoni kif ukoll il-plejer tagħhom Joseph Tabone sar ic-Champion ta’ Malta bir-rebħ tal-1×1.
It-tim ta’ Msida bl-isem ta’ JS.DIMECH kien kompost min dawn il-plejers: Joseph Tabone, Paul Vassallo, Christ Mallia u Adrian Caruana filwaqt li li Emmanuel Spiteri, Noel Axiaq, Mario Borg, Joseph Farrell, Michael Buhagiar u Joe Casha ifformaw it-tim ta’ Ħal Għaxaq bl-isem ta’ BENNY IL-BRONK.
Il-logħba damet aktar minn erba’ siegħat u tliet kwarti fejn ħalliet lill-kulhadd fuq ix-xwiek sal-aħħar ġugata bir-riżultat finali jkun 21 ma 20 favur Msida. Fl-ewwel ġugata kienu t-tim ta’ Msida li bnew vantagg ta’ 6 punti. Immedjata r-rejazzjoni minn naħa tat-tim ta’ Għaxaq li għamlu 2 punti, biż-żewġ timijiet l-izjed li preferew kien li jilagħbu fit-tul.
Il-logħba saret aktar interesanti fejn iż-żewġ timijiet bdew jitilgħu ras ma’ ras fil-punti, tant li sa nofs il-logħba r-riżultat kien 11 ma 11. Bil-logħba tibqa’ b’dan l-andament sal-aħħar mument tagħha, Għaxaq kienu vicin li jirbħu din il-logħba meta r-riżultat kien 20 ma 18 favur tagħhom.
Madankollu Msida baqgħu iffokati sal-aħħar ġugata, biex fl-aħħar mill-aħħar kienu huma li ħarġu rebbieħa 21 ma 20, skor identiku ta’ meta rebħu l-kampjonat kontra Żebbuġ.
Ir-Referee tal-partita kien is-Sur Dillon Abela filwaqt li l-Assistent Referee kien is-Sur Dominic Gatt.
Fi tmiem il-konfront, is-Sur Clinton John Saliba, President tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi, ippreżenta t-tofew ferm sabiħ lit-tim rebbieħ fost il-ferħ tal-partitarji Msidjani.
//= $special ?>