Lokali

Il-filmat tal-uffiċjali ta’ TM ħasad lil bosta

“L-azzjonijiet ta’ ftit nies jistgħu jħallu impatt negattiv kbir fuq ħafna.”

Kien b’dan il-mod li l-Editorjal tal-Independent fetaħ l-osservazzjonijiet tiegħu dwar i-każ ta’ żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta li qabdu jagħtu bil-ponn lil raġel li kien wiċċu mal-art fil-Marsa wara li twaqqaf mill-istess ufficjali.

U dan ma kienx l-uniku każ tat-tip tiegħu li rajna fl-aħħar ġimgħat. Fil-fatt, bħalissa fil-Qorti hemm tliet uffiċjali tal-Pulizija li qed jaffaċċjaw akkużi serji li ħatfu u sawtu persuna fil-Marsa.

L-editorjal ifakkar li ħafna minn dawn il-każijiet qed inisru nafu bihom grazzi għall-użu tat-teknoloġija… għaliex kieku kien mod ieħor, dawn kienu jindifnu u qisu qatt ma ġara xejn.

L-Independent ifakkar li dawn huma biss żewġ każi li ħarġu fid-deher fl-aħħar xahrejn – żewġ każijiet, li kif josserva sew l-Editorjal, qed jitfgħu dell ikrah fuq uffiċjali oħra li jagħmlu xogħolhom sew. U jekk in-nies jispiċċaw jitilfu l-fiduċja  f’dawk li jipproteġu lil pajjiżna, jghid il-ġurnal, dan se jkun qed joħloq problemi kbar għall-uffiċjali kollha l-oħrajn.

Fl-aħħar jiem, il-media kienet żvelat ukoll li wieħed mill-uffiċjali ta’ Transport Malta, Rene Antonelli huwa canvasser tal-Ministru Ian Borg, bit-tieni uffiċjal ikun Ivan Cassar. Bħalissa, iż-żewġ uffiċjali jinsabu sospiżi sakemm investigazzjoni interna minn Transport Malta tiġi fi tmiemha.