Sport Tazza Tad-Dinja 2022

It-Taljan Daniele Orsato se jikkontrolla l-logħba tal-ftuħ Qatar 2022

(Ritratt: EPA)

Minkejja li għat-tieni edizzjoni konsekuttiva l-Italja ma kkwalifikatx għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, il-preżenza tal-futbol Taljan se tinħass xorta waħda fil-Qatar hekk kif ir-referee Daniele Orsato kien magħħżul biex jikkontrolla l-logħba tal-ftuħ bejn il-pajjiż organizzatur il-Qatar u l-Ekwador.

Orsato, meqjus fost l-aqwa referees fl-ewropa u referee b’esperjenza kbira f’kompetizzjonijiet internazzjonali, jagħlaq 47 sena nhar l-Erbgħa li ġej. Sas-sena 2016 il-FIFA ma kienitx tħalli referees li jagħlqu l-45 sena li jikkontrollaw iktar logħbiet internazzjonali. Fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja, Daniele Orsato kien wieħed mill-uffiċjali li ħadu ħsieb il-VAR.

Hu kkontrolla wkoll il-finali tal-UEFA Champuions League fis-sena 2020 bejn Bayern Munich u PSG, finali li kienet intrebħet minn Bayern 1-0. Fl-aħħar edizzjoni tal-EURO mirbuħ mill-Italja f’Wembley kien ikkontrolla tliet logħbiet. Pierluigi Collina, chairman tal-kumitat tar-referees tal-FIFA kien ikkontrolla l-finali tas-sena 2002 bejn il-Ġermanja u l-Brażil, u Nicola Rizzoli l-finali 2014.