Numru ta’ persuni matul il-jum tas-Sibt inġabru quddiem Mediterraneo Marine Park f’Baħar iċ-Ċaqgħaq għal dimostrazzjoni minħabba moħqrija fuq id-dniefel, li fost oħrajn, wasslet sabiex allegatament tliet dniefel mietu vvalenati permezz ta’ ċomb matul is-sena li għaddiet.
Matul id-dimostrazzjoni imsejħa mill-Moviment Graffitti intqal li s’issa f’dan il-park tilfu ħajjithom 11-il denfil f’ċirkustanzi misterjużi.
Diversi persuni kellhom f’idejhom placards isejħu sabiex titwaqqaf it-tortura fuq id-dniefel.
Dan filwaqt li uffiċjali tal-Pulizija ġew imsejħa fil-post filwaqt li l-attivisti komplew isejħu favur dawn id-dniefel li m’għandhomx leħen.
Huma saħqu li l-park għandu liċenzja ta’ zoo iżda qed iservi bħala ċirku.
Fost oħrajn kelliema għal Moviment Graffitti saħqu li dan il-Park kif ukoll il-Gvern ħbew il-mewt ta’ dawn id-dniefel filwaqt li sejħet għall-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sabiex jieqfu jinjoraw il-moħqrija li teżisti f’dan il-park.
Intant kelliema għal Mediterraneo Marine Park saħqu li d-dimostranti kienu qed iwasslu gideb biss fuq bażi ta’ informazzjoni fażulla.
Huma saħqu li jieħdu x-xogħol tagħhom b’serjetà, bi standards u professjonalità.
Dan filwaqt li insistew li minnufih irrapportaw l-imwiet ta’ dawn il-kreaturi lill-awtoritajiet konċernati u fetħu minnufih investigazzjonijiet trasparenti. Liema eżitu finali minn dawn l-investigazzjonijiet waslu li d-dniefel mietu avvelenati wara li ntuża tagħmir ipprojbit li jintuża fil-vaska minn impjegat, mhux tal-Park, li kien qiegħed inaddaf il-vaska.
//= $special ?>