Lokali

L-ebda indikazzjoni kif il-pajjiż jista’ jkollu fiduċja fil-Gvern Laburista mifni bil-kriżijiet

Hekk kif fl-aħħar ġimgħat il-Gvern kien mifni bi kriżi wara l-oħra fi ħdan diversi istituzzjonijiet fosthom l-iskandli fi Transport Malta kif ukoll fil-qasam tal-Kultura, Robert Abela insista li għandu fiduċja fil-pajjiż, iżda ma ta ebda indikazzjoni kif il-pajjiż jista’ jkollu fiduċja fil-Gvern immexxi minnu.

Fl-għeluq tal-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista Robert Abela bbaża kollox fuq din it-tema iżda fl-aħħar ġimgħat rajna skandlu wara l-ieħor fi ħdan is-settur kulturali, liema skandli kompletament intefgħu taħt it-tapit u minflok, Abela għażel li kontinwament jattakka b’mod partiġġjan.

“In-nies magħna jafu fejn qegħdin,” qal Abela.

Iżda ta’ min wieħed ifakkar f’dik l-impjegata li kienet qed tiġi abbużata sesswalment fuq il-post tax-xogħol, bil-Ministru ta’ Abela jinjora l-karba tagħha għal jiem sħaħ.

“Obbligati li nisimgħu l-karba tagħhom,” qal Abela.

Iżda jidher li l-Labour jgħażel lil min jisma’ u jagħmel dan għal tal-qalba biss.

Bl-MEP, Alex Agius Saliba, ftit qabel id-diskors tal-Mexxej tal-Labour minkejja dan kollu, jgħid hekk fid-diskors tiegħu…

“Il-ħaddiem ma nitrattawhx b’insensibbilità,” qal Agius Saliba.

Intant, Abela ġab skuża wara l-oħra dwar in-nefqa ta’ eluf ta’ ewro biex ippreżenta u ftaħar bil-budget li wara kollox kellu mal-€200,000 inqas f’fondi mis-snin passati.

Dan filwaqt li l-Gvern ta’ Abela nefaq mal-€14,000 f’konferenza li għamel eżatt wara l-budget… u €61,000 biex stampa u qassam f’kull dar f’Malta u Għawdex fuljett tal-budget mimli propoganda. Total ta’ iktar minn €75,000 kollha minn flus it-taxxi tal-poplu Malti.

B’Abela bejn attakk partiggjan wiehed wara l-iehor jiprova jiskuza din in-nefqa minn but il-familji Maltin u Ghawdxin.  

“Kien hemm min staqsa dwar n-nefqa għar-reklami li saru għall-budget. It-tweġiba tiegħi? Mur obsor!” qal Abela.

U dwar il-faqar? Agius Saliba kkonferma li din hi r-realtà li l-Maltin jgħaddu minnha… għalkemm ma tax soluzzjoni għal serħan il-moħħ.

“Il-faqar hu l-ikbar sfida li qed ngħixu ta’ kuljum,” qal Agius Saliba.