Il-poplu Malti u Għawdxi jistħoqlu r-rispett u d-dinjità kollha mingħand min qiegħed imexxih, ma jistax il-Gvern tal-Labour jiggverna b’arroganza – li tirbaħ elezzjoni ġenerali ma jfissirx li tagħmel li trid.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu fejn tkellem dwar diversi temi fosthom l-iskandli li fl-aħħar ġimgħat fnew diversi istituzzjonijiet – fosthom fi ħdan Transport Malta.
Bernard Grech saħaq li ma jistax ikun li l-Minsitru Aaron Farrugia jaħrab milli jwieġeb id-domandi li jsirulu fil-Parlament, u li bħal ma qallu l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia…għandu obbligu.
Huwa saħaq li t-tweġibiet iridu jingħataw, u jingħataw sew la darba jġibu rispett lill-Parlament u wisq aktar liċ-ċittadini li eleġġewhom.
Minflok huwa għażel li jistaħba fil-binja tal-Parlament minflok jirrispondi għad-domandi li jsirulu bi sħabu d-deputati jagħżlu li jigdbu u jipprovaw jgħattulu, bħal fil-każ tal-Ministru Owen Bonnici.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Ministru Owen Bonnici jrid iwieġeb ta’ għemilu wara li naqas milli jaqdi dimirijietu fl-iskandlu fi ħdan l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Bernard Grech insista li Bonnici pprova jikkontrolla l-istorja billi ċempel lill-ġurnalisti ta’ Net News u minflok ra kif għamel biex dawk ħatja ta’ fastidju sesswali fil-konfront ta’ impjegata jingħataw li ħaqqhom…għażel li jkaxkxar saqajh u jiprova jostor l-istorja.
Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fl-Isptarijiet lokali, Bernard Grech sostna li l-Forzi tal-Ordni qed jintużaw biex in-nies jitkeċċew mill-Isptar Mater Dei. Dan wara li d-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici żvelat fil-Parlament li anzjan ta’ 84 sena miet waħdu f’daru allegatament wara kedda li ħa hekk kif ġie żgumbrat mill-Pulizija għax ma riduhx jibqa’ jingħata kura l-isptar.
Huwa saħaq li dan il-Gvern mal-ħuta l-kbira qiegħed jagħlaq għajnejh, iżda maż-żgħir jitrattah b’dan il-mod.
Filwaqt li saħaq li fil-qasam tas-saħħa hemm problemi serji, Bernard Grech insista li dwar il-problemi tla-mediċini out of stock, fejn saħansitra żvela li hemm l-insulina out of stock.
Dan filwaqt li faħħar il-ħidma tal-infermieri u kkundanna l-aġir fil-konfront tagħhom.
Mistoqsi dwar ir-riforma fallimentari tal-kannabis, Bernard Grech insista li dawk l-għaqdiet li riedu l-liġi issa qed jindundaw li kienet waħda magħmula bl-għaġla u li l-Partit Nazzjonalista ngħata raġun, fejn ħeġġeġ li ssir diskussjoni kif jixraq.
Dan filwaqt li tkellem dwar ir-riformi fuq il-liġi ta’ tqala, fejn saħaq li l-Gvern qed jistenna pożizzjoni mingħand il-Partit Nazzjonalista mingħajr ma għadu ppreżenta l-emendi li jrid iwassal.
Bernard Grech ħeġġeġ sabiex issir diskussjoni wkoll fuq il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn insista li filwaqt li Robert Abela jaf li m’għandux l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-kamra dwar din il-ħatra xorta waħda qiegħed jistina rasu.
Intant Bernard Grech spjega li fi tmiem il-ġimgħa li ġejja l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza l-Kunsill Ġenerali, kunsill ġenerali deskritt bħala wieħed importanti, kunsill ġenerali li se jkun qiegħed jibda f’Għawdex.
//= $special ?>