Lokali

Falliment Ministerjali li qed ibati għalih il-poplu

Kemm l-editorjal tat-Times of Malta u anke dak tal-Malta Independent, il-Ħadd taw ħarsa lejn il-falliment ta’ uħud mill-Ministri Laburisti, b’referenza diretta għall-aħħar skandli li feġġew fal-aħħar ġimgħat – kemm dak fi ħdan l-Orkestra Nazzjonali, li responsabbli tagħha huwa l-Ministru Owen Bonnici u kif ukoll l-aggressjoni minn uffiċjali ta’ Transport Malta li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Aaron Farrugia.

Is-Sunday Times qalet li l-iskandlu fi ħdan l-Orkestra Filamonika Nazzjonali jitfa’ dawl fuq il-problema tal-abbuż tal-poter. Sosta li dawn l-istituzzjonijiet pubbliċi ma jistgħux ta’ kull darba jqajmu dubju u jkunu fiċ-ċentru tal-akbar skandli. Bil-Ministru stess jikkonferma li ma marx jirrapporta lill-Pulizija.

L-editur tat-Times jgħid li dawn huma entitajiet pubblici li fl-aħħar mill-aħħar jiġu finanzjati mit-taxxi. U stqarr li qed inħallsu aħna stess minn butna għal dawn in-nies f’responsabbiltà li qed jaffaċjaw skandli kbar – ħela ta’ flus, fi żmien meta l-Gvern qed jitkellem fuq l-issikkar taċ-ċintorin.

Fil-fatt, it-Tnejn, il-Kap tal-PN Bernard Grech se jkun qed jitkellem dwar l-infieq żejjed min-naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Intant, l-editorjal tal-Independent fakkar kif it-Tlieta li għadda l-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia ħarab mill-iskrutinju tal-Parlament dwar l-aħħar skandlu fi TM, fejn rajna uffiċjali jsawtu persuna oħra f’nofs ta’ triq.

L-editorjal qal li dan is-silenzju mill-Ministru diġà jgħid ħafna – fejn issoltu l-magna tal-propoganda Laburista tkun lesta biex twieġeb. Iżda din id-darba, ma ntqal xejn.

L-Independent qaBbel ir-ruling li ta l-ispeaker Anglu Farrugia, daqs li kieku kellek għalliem qed jindirizza klassi studenti… bl-Ispeaker kellu jwissi lil kulħadd, minħabba studenti wieħed, meta fir-realtà, kellu jwissi biss Ministru wieħed.

L-editorjal ġibed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li sa issa il-Ministru Farrugia għadu ma talabx skuża għal dan in-nuqqas serju f’din l-entità.