Wara 12-il sena ta’ kontroversja, illum finalment jingħata bidu għat-22 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. L-istennija għall-akbar kompetizzjoni tal-futbol fid-dinja kienet imtappna b’diversi stejjer li tefgħu dell ikrah fuq il-Qatar.
Għall-ewwel darba l-kompetizzjoni se ssir f’pajjiż li jinsab fil-parti Għarbija, bl-akbar kritika tkun kif il-Qatar rebħet id-dritt li torganizza din il-kompetizzjoni b’diversi allegazzjonijiet ta’ tixħim u kritika kif pajjiż b’regolamenti pjuttost kontroversjali, se jospita persuni minn madwar id-dinja. Sa ftit jiem ilu stess, l-eks President tal-FIFA Sepp Blatter stqarr li kien żball li ġiet magħżula l-Qatar iżda l-istqarrija tiegħu waslet tard wisq biex treġġa kollox lura.
Kontroversja oħra kienet marbuta maż-żmien meta t-Tazza tad-Dinja se tintlagħab hekk kif din il-kompetizzjoni qatt ma ntlagħbet f’dawn iż-żminijiet. Iżda minħabba li t-temperaturi f’dan il-pajjiż ikunu sħan wisq fix-xhur sajfin, il kompetizzjoni ġiet trasferita għal Novembru. Dan ma jfissirx li t-temperaturi bħalissa huma kesħin hekk kif il-medja mistennija tkun bejn il-25 u t-30 grad. Din id-deċiżjoni wasslet biex il-kampjonati fl-Ewropa kellhom jieqfu f’nofs l-istaġun, bl-aħħar logħbiet tal-kampjonati jiġu milgħuba ġimgħa ilu qabel il-plejers ingħaqdu mat-tim nazzjonali.
Jumejn biss qabel il-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja, l-organizzaturi ħabbru li l-partitarji ma jistgħux jixtru jew jikkonsmaw alkoħol fl-istadiums jew fil-parametri tagħhom. Iż-żmien ta’ meta se tintlagħab il-kompetizzjoni wassal biex b’total ta’ 29 ġurnata, din se tkun l-iqsar Tazza tad-Dinja minn żmien il-kompetizzjoni tal-1978 li dakinhar ġiet organizzata fl-Arġentina. Il-Qatar, li bħala pajjiż għandu popolazzjoni ta’ anqas minn tliet miljun ruħ, qed jistenna influss ta’ ftit aktar minn miljun persuna minn madwar id-dinja. Il-FIFA qalet li kważi tliet miljun biljett ġie mibjugħ għat-tournament, bin-nies tal-Qatar jixtru l-maġġoranza tal-biljetti. Il-pajjiż investa miljuni biex tejjeb l-infrastruttura, fosthom il-ħolqien ta’ stadiums ġodda.
Il-favoriti għal din il-kompetizzjoni jidher li huma żewġ nazzjonijiet mis-Sud Amerika, jiġifieri l-Brażil u l-Arġentina. Il-Brażiljani hu l-aħħar pajjiż mhux Ewropew li rebaħ il-kompetizzjoni lura fl-2002 filwaqt li l-Arġentina ġejjin minn serje impressjonanti ta’ 36 logħba mingħajr telfa.
Bħal f’kull edizzjoni, dejjem ikun hemm plejers li jitilfu t-Tazza tad-Dinja. Fosthom hemm dawk li jweġġgħu qrib il-bidu tal-kompetizzjoni fosthom il-plejer ta’ Bayern Munich Sadio Mane, Paul Pogba u Karim Benzema ta’ Franza, Timo Werner tal-Ġermanja, Reece James u Ben Chilwell tal-Ingilterra, Diogo Jota tal-Portugall, Giovani Lo Celso u Joaquin Correa tal-Arġentina. Plejers oħra li mhux se jkunu fil-kompetizzjoni huma minħabba li l-pajjiż tagħhom ma kkwalifikax. Jispikkaw in Norveġiż Erling Haaland u l-Eġizzjan Mohamed Salah. Għat-tieni edizzjoni konsekuttiva, jispikka n-nuqqas tal-erba’ darbiet rebbieħa l-Italja.
//= $special ?>