L-osservaturi u l-esperti dwar il-Korea ta’ Fuq esprimew interess kbir f’ritratti ġodda li qed juru lil Kim Jong-un, il-Mexxej Korean komunista, miexi id f’id ma bintu fil-pubbliku għall-ewwel darba. Din id-dehra rari tikkonferma li t-tifla – li jaħsbu li jisimha Kim Chu-ae – ‘teżisti tassew’ wara ħafna spekulazzjoni u dan jista’ ikun ta’ sinifikat kbir għall-futur tal-pajjiż.
Kim Jong-un, akkumpanjat minn bintu, nhar il-Ġimgħa kien preżenti għall-prova ta’ missila kbira interkontinentali (ICBM) li waqgħet fl-ibħra tal-penisola Koreana mhux daqstant ‘il bogħod mill-Ġappun.
Il-missier u t-tifla baqgħu jsegwu l-prova id f’id u dan il-punt kien ukoll ‘interessanti’ għaliex ftit li xejn hemm magħruf dwar il-ħajja personali tad-dittatur. Ħarġu wkoll ritratti ta’ Kim u bintu qed jitkellmu ma’ uffiċjali fost l-ispezzjonar ta’ numru ta’ missili – bil-missier u bintu anki josservaw il-prova tal-ICBM minn viewing deck speċifiku.
L-Istati Uniti ikkundannat bla riservi l-aħħar prova tal-missila mir-reġim ta’ Pyongyang u mistenni li r-reġim ta’ Kim għandu jkomplu b’dawn il-provi ‘biex iwassal messaġġ’ lill-Amerikani kif ukoll lill-Korea t’Isfel u l-Ġappun.
Sadanittant, il-fatt li t-tifla ta’ Kim, sa fl-aħħar, qed tkun żvelata lill-pubbliku qiegħed iħasseb lill-analisti tal-Korea ta’ Fuq ħafna aktar mill-prova tal-ICBM li jaħsbu li hi b’saħħitha biżżejjed biex tolqot lill-Istati Uniti.
Dan għaliex il-konferma ta’ ‘Kim Chu-ae’ x’aktarx li qed titfa dawl ġdid fuq il-futur tar-reġim komunista u l-programm nukleari tiegħu – bil-mistoqsijiet ma jieqfux.
Fl-istess ħin, l-aktar domanda taħraq – almenu għalissa – tinvolvi l-kwistjoni tas-suċċessjoni, bl-esperti qegħdin jevalwaw jekk din it-tifla, fil-fatt, intgħażlitx biex tieħu r-riedni tal-pajjiż fil-futur bħala parti minn ġenerazzjoni ġdida ta’ Mexxejja komunisti.
//= $special ?>

