Barcelona bl-akbar numru ta’ plejers li se jilagħbu
Il-Premier League Ingliż, meqjus bħala l-aktar kampjonat attraenti fid-dinja, ma ddiżappuntax fejn tidħol l-għażla tat-32 nazzjon parteċipant. Dan hekk kif hu l-aktar kampjonat li minnu se jipparteċipaw plejers fil-Qatar.
Iċ-champions Ingliżi Manchester City hu l-aktar tim Ingliż rappreżentat b’total ta’ 16-il plejer. Dawn huma Julian Alvarez (Arġentina), Ederson (Brażil), Kevin de Bruyne (Belġju), Phil Foden, Jack Grealish, Kalvin Phillips, John Stone u Kyle Walker (Ingilterra), Ilkay Gundogan (Ġermanja), Nathan Ake (Olanda), Joao Cancelo, Ruben Dias u Bernardo Silva (Portugall), Aymeric Laporte u Rodri (Spanja) u Manuel Akanji (Żvizzera).
Manchester United isegwu b’14-il plejer, Chelsea bi 12-il plejer, Tottenham bi 11-il plejer, Arsenal b’10 plejers, Brighton bi tmien plejers u Liverpool b’seba’ plejers.
B’kollox hemm 137 plejer li jilagħbu fil-Premier League Ingliż, iżda minkejja dan il-fatt, Manchester City mhumiex l-iktar tim li għandu plejers se jipparteċipaw. Dan hekk kif huma Barcelona t-tim li għandu l-aktar plejers fil-Qatar b’total ta’ 17-il plejer.
Dawn huma Raphinha (Brażil), Andreas Christensen (Danimarka), Ousmane Dembelè u Jules Koundè (Franza), Marc-Andrè Ter Stegen (Ġermanja), Frenkie de Jong u Memphis Depay (Olanda), Robert Lewandowski (Polonja), Jordi Alba, Alejandro Balde, Sergio Busquets, Ansu Fati, Eric Garcia, Gavi, Pedri, Ferran Torres (Spanja), Ronald Araujo (Urugwaj). Il-plejers ta’ Barcelona huma 17 minn total ta’ 82 plejer li jilagħbu f’La Liga.
Il-plejers li jilagħbu fil-Bundesliga jammontaw għal 78 plejer, segwiti mis-Serie A b’66 plejer u Ligue 1 ta’ Franza b’57 plejer.
Minbarra Barcelona u Manchester City li b’hekk bejniethom għandhom 33 plejer, Bayern Munich hu tim ieħor li għandu diversi plejers fit-Tazza tad-Dinja b’total ta’ 16-il plejer. Eskluż minn din il-lista hemm Sadio Manè li mhux fl-iskwadra tas-Senegal minħabba li baqa’ ma rkuprax minn meta weġġa’ ma’ Bayern Munich fl-aħħar jiem.
Fatt interessanti li fost il-lista tal-aktar timijiet bi plejers fit-Tazza tad-Dinja hemm żewġ timijiet li mhumiex Ewropej. Dawn huma Al Sadd u Al Hilal. Al Sadd li hu tim mill-Qatar għandu 15-il plejer, 13 minnhom li jilagħbu mal-Qatar stess filwaqt li t-12-il plejer ta’ Al Hilal jilagħbu kollha mal-Arabja Sawdija.
Mal-ewwel disa’ timijiet hemm ukoll it-timijiet Spanjoli ta’ Real Madrid u Atletico Madrid. B’total ta’ 11-il plejer, Juventus, PSG u Ajax huma l-aktar timijiet mill-Italja, Franza u l-Olanda rispettivament li għandhom plejers fit-timijiet nazzjonali.
//= $special ?>