Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Qatari b’mira li jimpressjonaw u jtaffu mill-pressjoni fuqhom fl-ewwel dehra tagħhom

GRUPP A – QATAR V EKWADOR

L-organizzaturi għandhom il-pressjoni fuqhom biex isikktu l-kontroversja marbuta ma’ din it-Tazza tad-Dinja. Għalkemm konxji mid-diffikultà li se jsibu fi Grupp A, jafu biżżejjed li rebħa minn dan il-konfront tkun qed tressaqhom lejn it-tragward li jgħaddu mill-grupp.

It-tim tal-Qatar se jipparteċipa fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba u huma kkwalifikaw minħabba li huma l-organizzaturi. Ilhom jippreparaw għal din il-kompetizzjoni diversi snin għalkemm ftit kellhom partiti kompetittivi.

Il-Qatar lagħbet partiti ta’ ħbiberiji kontra timijiet Ewropej u fl-2019 ħadet sehem fil-Copa America minbarra li spiċċat rebħet it-Tazza Asjatika fl-istess sena. Fil-preżent jinsabu fil-50 post fil-klassifika tal-FIFA.

L-Ekwador qed tirritorna fil-kompetizzjoni wara n-nuqqas tal-aħħar edizzjoni. Din hi r-raba’ dehra tagħhom f’din il-fażi u għaddew mill-grupp fl-2006 biss meta kienu eliminati fl-aħħar 16.

L-istorja tat-Tazza tad-Dinja hi rikka biex toffri diversi rekords u żgur li l-Qatar se tipprova żżomm ma’ ċertu tradizzjonijiet. Minn meta l-pajjiż organizzattiv beda jilgħab l-ewwel logħba tal-kompetizzjoni fl-2006, l-ebda tim għadu ma tilef.

Huma se jippruvaw isiru l-ewwel nazzjon mis-Senegal fl-2002 li jirbħu fl-ewwel dehra tagħhom f’din il-kompetizzjoni. Iktar minn hekk, l-Afrika ta’ isfel biss fl-2010 li ma rnexxielhomx jgħaddu mill-grupp bħala l-organizzaturi.

Iż-żewġ timijiet jilagħbu ftit differenti. L-Ekwador immexxija mill-kowċ Gustavo Alfaro kellhom grupp ta’ kwalifikazzjoni pożittiv u sofrew biss 19-il gowl minn 18-il logħba, jew aħjar it-tielet l-aħjar difiża wara l-Brażil u l-Arġentina. Huma ma sofrewx gowl fl-aħħar sitt logħbiet li lagħbu iżda fuq in-naħa l-oħra ftit huma l-gowls li skorjaw.

L-avversarji tagħhom mhumiex l-iktar tim kompatt fid-difiża u fl-istess ħin jista’ jsibha diffiċli quddiem tim li jiddefendi tajjeb. Għaldaqstant l-Ekwador tibda favorita li tikseb it-tliet punti.

Iżda wieħed jinsab kurjuż jekk il-poplu Qatari hux se joħloq atmosfera li jgħin lill-plejers tiegħu biex jegħlbu l-ostaklu. Il-vantaġġ li jilagħbu f’darhom jista’

jnaqqas id-differenza bejn iż-żewġ timijiet filwaqt li riżultat pożittiv forsi jtaffi ftit mill-pressjoni esterna li teżisti fuq il-pajjiż b’rabta mal-organizzazzjoni.