Nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta Il-Mument żvelat li t-tliet Uffiċjali akkużati li b’mod involontarju kkaġunaw il-mewt ta’ Carmel Attard li kien ħaddiem tat-Taqsima tal-Manutenzjoni f’Għawdex, ma kienux sospiżi mix-xogħol tagħhom b’intervent dirett tal-Ministru Clint Camilleri għax huma meqjusa “tal-Ministru Clint Camilleri”.
Esperti fil-kriminal li din il-ġimgħa tkellimna magħhom ilkoll qablu li intervent bħal dan hu wieħed mill-aktar perikoluż għaliex faċilment jagħti lok għall-intraċċ tal-provi. Kif jistgħu l-ħaddiema li jaqgħu taħt dawn it-tliet Uffiċjali mhux sospiżi mix-xogħol tagħhom jiddepożitaw xhieda negattiva fil-konfront tagħhom?
L-esperti fil-kriminal enfasizzaw li “din hi deċiżjoni mill-aktar partiġjana u perikoluża li ħa l-Ministru Clint Camilleri u l-Prim Ministru Robert Abela wera immaturità kbira meta ħareġ għonqu biex jiddefendi lill-istess Ministru Clint Camilleri. Kollox hu konferma ta’ kemm f’dan il-pajjiż jirrenja l-partiġjaniżmu u d-dilettantiżmu sfrenat għaliex bl-ebda immaġazzjoni invista tal-akkużi daqstant serji ma’ dawn it-tliet Uffiċjali ma messhom tħallew jirrapportaw għax-xogħol bħal qisu ma ġara xejn fil-konfront tagħhom.”
L-esperti fil-kamp kriminali żiedu jgħidu li fin-nofs hemm il-fatt li kienet ikkaġunata l-mewt ta’ Carmel Attard li ntbagħat jagħmel xogħlijiet f’latrina li kienet inbniet b’mod illegali u bla permessi. “Issa kif jiġi l-Ministru Clint Camilleri li jagħti ordni lis-Segretarju Permanenti John Borg biex dawn it-tliet Uffiċjali ma jkunux sospiżi mill-qadi tad-doveri tagħhom?” Tajjeb li nfakkru li Carmel Attard kien wieħed minn sitt ħaddiema tal-Community Worker Scheme u jirriżulta li ħadd minnhom la kien ħaddiem tas-sengħa u wisq inqas ikkwalifikat biex jagħmlu xogħlijiet ta’ manutenzjoni.
Jirriżulta wkoll mill-indaġni li għamilna, li f’dawn ix-xogħlijiet l-Uffiċjali inkwistjoni fil-Ministeru ma kienu talbu l-intervent jew is-sorveljanza tal-ebda perit biex jaraw l-istat li fih kienet il-binja qabel ma jkun jista’ jsir ix-xogħol fiha, biex jiċċertifika li l-ebda parti minnha ma kienet ta’ xi periklu. Mhux biss, iżda anqas ma tqabbad xi Uffiċjal tas-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol biex jagħmel spezzjoni minn qabel ma jsir ix-xogħol. Atittudni ta’ kollox ejja ħa mmorru! Kien biss issa li s-Segretarju Permanenti John Borg applika għall-permessi meħtieġa fil-konfront ta’ din il-latrina! Imma dakinhar John Borg ippermetta li jsiru x-xogħlijiet bla permess!
Fil-fatt Carmel Attard kien mar biex jagħmel ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u spiċċa mejjet fil-post tax-xogħol wara li s-saqaf tal-latrina mibnija bla permess fid-Dwejra ġġarraf u ħallieh tal-post. Fl-isfond ta’ dan kollu ħadd ma jrid jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà. Anzi, sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument żiedu jistaqsu kif il-Pulizija anqas ma ħasset li kellha tieħu passi wkoll fil-konfront tal-istess Segretarju Permanenti John Borg li dakinhar kien insista li jsiru x-xogħlijet ta’ manutenzjoni iżda ma kienx insista li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex ma jkunx hemm inċidenti fil-post tax- xogħol?
It-tliet persuni akkużati huma Vicky Xuereb, Joseph Cutajar u Joseph Xuereb li huma akkużati li b’mod involontarju kkaġunaw il-mewt ta’ Carmel Attard li kien ħaddiem tat-Taqsima tal-Manutenzjoni f’Għawdex.
//= $special ?>