Internazzjonali

In-Nazzjonijiet Uniti: Ftehim storiku li għandu jgħin lill-pajjiżi vulnerabbli għall-bidliet fil-klima – iżda l-kritika ma tonqosx

Is-summit COP27 organizzat min-Nazzjonijiet Uniti fl-Eġittu, kien konkluż bi ftehim storiku li jinvolvi 200 pajjiż u li għandu jintroduċi fond speċjali li jappoġġja lill-pajjiżi vulnerabbli u li ntlaqtu l-agħar mill-bidliet fil-klima….Fenomenu li ilu jħasseb sew lid-dinja għal dawn l-aħħar snin.

Il-pajjiżi foqra kienu ilhom 30 sena jappellaw biex il-pajjiżi sinjuri jgħinuhom jerfgħu il-piż finanzjarju ‘tat-telf u ħsarat’ dovuti għall-global warming. Madankollu, l-kritiċi qed jgħidu li s-summit tal-Eġittu ma wassalx għal tragwardi konkreti li jnaqqsu tassew l-emissjonijiet li jikkaġunaw il-bidliet fil-klima.

Fil-fatt, is-Segretarju-Ġenerali tan-NU Antonio Guterres tenna li l-pjaneta tagħna ‘għadha fil-kamra tal-emerġenza’ għaliex is-summit ma ndirizzax speċifikament il-ħtieġa għal tnaqqis drastiku fil-gassijiet greenhouse.

Fl-istess ħin, ir-Renju Unit ukoll esprima diżappunt li l-konklużjonijiet tas-summit ma kenux aktar sinifikanti milli jindika l-kontenut tad-dokument finali.

Sadanittant, il-ftehim ewlieni mis-COP27 qed jiffissa l-impenn biex il-global warming ikun limitat għal 1.5 gradi Celsius aktar mil-livelli li kienu jeżistu qabel l-era industrijali. Dan waqt li n-NU wissiet li abbuż tat-‘threshold’ għandu jesponi lil aktar miljuni tan0nies għall-effetti fil-klima bil-potenzjal devastanti. Fl-istess ħin, iżda, l-esperti qalu li l-politika attwali li qed jipprattikaw il-pajjiżi x’aktarx li għandha tissarraf f’żieda ta’ xi 2.7 gradi Celsius minflok il-limitu stabbilit fis-summit.

Il-Ministru Franċiż għall-Enerġija, Agnes Pannier-Runacher qalet li l-ftehim mhux wieħed ambizzjuż daqskemm xtaqet Franza waqt li l-Ministru tal-Ġermanja għall-Affarijiet Barranin, Annalena Baerbock ilmentat li l-eliminazzjoni tal-fossil fuels qed tkun imfixkla mill-aktar pajjiżi li jipproduċu gassijiet greenhouse u l-produtturi taż-żejt. Intant, Espen Barth Eide, il-Ministru tan-Norveġja responsabbli mill-Klima, qal li s-COP fl-Eġittu ma xprunax daqstant pjani ambizzjużi lejn it-titjib tas-sitwazzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin, Sameh Shoukry, bħala Chairman tas-COP27 fisser is-summit bħala suċċess wara li hu kien ikkritikat għall-mod kif mexxa n-negozjati waqt is-summit. Shoukry qal li l-parteċipanti kienu qed jitilqu mill-Eġittu b’tamiet ġodda għall-futur tad-dinja u b’determinazzjoni akbar biex jattwaw it-tragwardi għall-kontroll aħjar tal-global warming kif minsuġ fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima tal-2015.