Internazzjonali

It-Turkija: Rejds fuq il-militanti Kurdi fis-Sirja u l-Iraq

It-Turkija, matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, wettqet diversi rejds tal-ajru fuq miri tal-militanti Kurdi fl-artijiet tas-Sirja u l-Iraq u fejn irriżultaw numru mhux magħruf ta’ mejtin. Jidher li s-sensiela ta’ rejds kienet ilha pjanata minn wara l-isplużjoni qattiela, ġimgħa ilu, fiċ-ċentru ta’ Istanbul u li dwaru l-awtoritajiet f’Ankara qegħdin iwaħħlu fl-istess militanti.

Il-Ministeru tad-Difiża f’Ankara qal li l-ajruplani tal-gwerra laqtu lill-bażijiet minfejn il-Kurdi tal-grupp PKK kienu qed iwettqu l-attakki fuq it-Turkija.

Sadanittant, kelliema għall-Kurdi fis-Sirja qalu li f’dawn ir-rejds intlaqtu żewġ villaġġi li huma pakkjati bir-rifuġjati interni. Dan waqt li l-grupp PKK tas-separatisti Kurdi għadu jiċħad responsabbiltà għall-isplużjoni fi triq prinċipali ta’ Istanbul li ħalliet sitta maqtula u għexieren ta’ midruba. Il-kelliema għall-PKK insistew li mhumiex qed jimmiraw għal ċivili fil-ġlieda mat-Turkija.

Min-naħa tagħha, it-Turkija qalet li r-rejds ta’ tmiem il-ġimgħa kienu  suċċess u li fihom ‘inqerdu x-xelters, il-bunkers u l-imħażen għall-armi tal-PKK’ li Ankara tirreferi għalih bħala moviment terroristiku.

Intant, il-qawwiet taħt tmexxija tal-Kurdi fis-Sirja ħalfu li jirritaljaw għar-rejds wara li, skont huma, il-missili tat-Torok laqtu lill-belt ta’ Kobane flimkien mal-villaġġi msemmija li jiffurmaw parti minn zona għal residenti ċivili.