Knisja Lokali

Jitnieda l-proċess ‘Knisja li Takkumpanjana’ fl-Assemblea Djoċesjana 2022

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta nediet it‑tielet sena ta’ proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Knisja li Takkumpanja’. Dan sar waqt l‑Assemblea Djoċesana annwali, fejn instemgħu esperjenzi varji dwar kif il‑Knisja qed takkumpanja lin‑nies fid‑diversi ċirkustanzi ta’ ħajjithom. L‑esperjenzi kienu jinkludu akkumpanjament li jsir fl‑iskejjel mal‑istudenti, l‑għalliema, l‑ġenituri u l‑impjegati; u akkumpanjament fil‑parroċċi fosthom mal‑familji u ma’ dawk li ġarrbu xi telfa; u akkumpanjament mas‑saċerdoti stess.

Dwar il‑fażi ta’ akkumpanjament, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, qal: “Il‑ħsieb hu li ngħinu biex l‑oqsma differenti tal‑Knisja f’Malta matul is‑sena d‑dieħla joħorġu b’inizjattivi kreattivi u siewja fejn jidħol l‑akkumpanjament. Dejjem hi ta’ sfida għalina, imma hi importanti li ngħaqqdu flimkien il‑kreattività mal‑unità fid‑direzzjoni u fil‑ħidma”. Kien għalhekk li stieden lill‑istituzzjonijiet differenti fil‑Knisja f’Malta sabiex ikunu ispirati minn din it‑tema u bil‑kreattività tagħhom jaħdmu flimkien bħala Knisja waħda.

L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi spjega wkoll kif il‑proċess ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed hu esperjenza li jgħaqqadna bis‑sħiħ mal‑esperjenza ta’ sinodalità li l‑Papa Franġisku nieda għall‑Knisja universali fl‑2021 u għandu jwassal għal outreach f’missjoni. Żied jgħid li l‑proċess inqasam fuq erba’ aspetti u kull sena l‑Knisja qed tiffoka u tinżel fil‑fond fuq aspett partikulari.

Matul il‑jumejn tal‑Assemblea ngħata wkoll rendikont ta’ x’sar matul il‑proċess ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed din is‑sena, li kien dwar ‘Knisja li tilqa’’. Il‑grupp li ħadem fuq din il‑fażi tal‑proċess kellu jifhem aħjar kif il‑Knisja f’Malta tista’ tkompli tilqa’ u tkun qrib il‑persuni migranti, LGBTIQ+, persuni li sofrew minn xi forma ta’ abbuż, persuni mwarrba minħabba l‑faqar, u persuni li fil‑passat sofrew minħabba kwistjonijiet politiċi. Il‑grupp li kien qed jaħdem ma’ dawn in‑nies ħareġ bi proposti konkreti ta’ x’jista’ jsir fis‑snin li ġejjin. 

L‑Assemblea Djoċesana ntemmet b’messaġġ mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Hu spjega li f’dan il‑proċess irridu niskopru min se jakkumpanja lil min, kif, fejn u meta se jsir l‑akkumpanjament.Jagħti eżempju ta’ kif jista’ jsir l‑akkumpanjament bl‑eżempju tal‑istorja ta’ Għemmaus, fejn Ġesù daħal fis‑sitwazzjoni tad‑dixxipli, semagħhom, staqsiehom u dderiġihom mingħajr ma impona lilu nnifsu. Żid jgħid li hu proċess fejn inkunu qrib ta’ xulxin, bħalma Alla hu qrib tagħna, bla ma ħadd iħossu superjuri fuq ħadd. 

L‑Arċisqof qal li dan għandu jkun akkumpanjament “li ma jiċħad il‑libertà ta’ ħadd imma jeduka għall‑imħabba, għall‑ferħ u għall‑paċi” u li permezz tiegħu “nkunu qrib ta’ xulxin bl‑istil tal‑Evanġelju, bil‑viċinanza, bit‑tenerezza u anki b’ħafna ħniena u ħafna kompassjoni”.

Madwar 200 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment għall‑Assemblea fis‑sala taċ‑ĊAK f’Birkirkara. Aktar tagħrif dwar il‑proċess Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed jinsab fuq vjagg.knisja.mt.