Musical chairs fi rwoli importanti direttament magħżula minn Kastilja li mhix kuntenta bl-operat ta’ numru ta’ Ministri
Daħlu u se jkomplu jidħlu fis-seħħ ħatriet importanti li jaqgħu diversi dekasteri ta’ Ministri direttament appuntati minn Kastilja u mingħajr ebda diskussjonijiet mal-Ministri konċernati. Sorsi infurmati viċin it-tmexxija tal-Gvern żvelaw ma’ Il-Mument li l-Prim Ministru Robert Abela ma hux kuntent bl-operat ta’ numru ta’ Ministri li qed jiddiżappuntaw bix-xogħol – jew bin-nuqqas ta’ xogħol – li qed jagħmlu.
Dan hu sigriet magħruf anki żvelat diġà minn Il-Mument li llum jista’ jkompli jiżvela kif reċentement Robert Abela – anki skont pariri tal-Kitchen Cabinett tiegħu – għażel li jżid il-kontrolli fuq ċerti Ministri billi jappuntalhom fid-dekasteri tagħhom persuni fi rwoli importanti mingħajr ebda diskussjoni mal-istess Ministri.
Nistgħu niżvelaw fil-fatt li ċerti ħatriet diġà magħrufa u mħabbra kienu ta’ sorpriża għal numru ta’ Ministri li saru jafu dwarhom direttament mill-midja li wasslet l-aħbar. Bl-istess Ministri juru l-għadab tagħhom għall-persuni magħżula u mpoġġija f’karigi importanti fid-dekasteru tagħhom iżda mingħajr diskussjoni… fi ftit kliem imponuti direttament minn Kastilja.
Fl-aħħar jiem jew fil-jiem li ġejjin fil-fatt daħlu jew se jidħlu fis-seħħ numru ta’ ħatriet – chairpersons – direttament magħżula minn Robert Abela.
Ħabbarna nhar il-Ħadd li għadda kif Kastilja se tkun qed ittemm il-ħatra ta’ Martin Saliba minn Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar wara tliet snin biss minn meta kien appuntat f’dan ir-rwol. Martin Saliba kien ħa l-kariga vakata minn Johann Buttigieg – oriġinarjament appuntat mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – li taħt it-tmexxija tiegħu l-Awtorità tal-Ippjanar tibqa’ mfakkra għall-bosta deċiżjonijiet xokkanti li ħadet b’rekord ta’ permessi maħruġa fil-qasam tal-kostruzzjoni u b’nuqqasijiet serji fit-tmexxija tagħha.
Minn naħa l-oħra l-irwol ta’ Martin Saliba se jingħata lil Oliver Magro li hu ex impjegat tal-istess Awtorità tal-Ippjanar. Oliver Magro, meqjus viċin ħafna ta’ Robert Abela hu familjari mal-operat tal-Awtorità tal-Ippjanar anki għaliex kien jaħdem fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u fl-Uffiċċju Legali tal-istess Awtorità tal-Ippjanar.
Kuntrarjament għall-ħatra ta’ Matthew Zerafa bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tad-Djar li tħabbret immedjatament fil-jiem li għaddew b’sorpriża għal bosta għaliex l-isem tiegħu feġġ minn imkien, għalkemm kien jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff tal-Ministeru mmexxi minn Roderick Galdes.
Matthew Zerafa ħa r-rwol li kien f’idejn Leonid McKay li issa tpoġġa Chairman fl-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis wara li bla kliem u bla sliem Mariella Dimech – wara għaxar xhur fit-tmexxija ta’ din l-Awtorità – tkeċċiet mix-xogħol li kienet qed tagħmel.
Ħatra oħra importanti direttament minn Kastilja hi dik ta’ Kenneth Farrugia bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Kenneth Farrugia, li sa ftit tal-jiem ilu kien id-Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) kien ħa dan ir-rwol wara r-riżenja ta’ Manfred Galdes.
Kariga oħra importanti hi dik ta’ Chairman tal-Malta College of Arts, Science & Technology Study (MCAST) li se tingħata lil Tonio Portughese li għandu esperjenza vasta f’diversi setturi ta’ tmexxija. Preċedentement dan ir-rwol kien f’idejn Silvio De Bono li wkoll kien jokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-MCAST.
Rwol mill-aktar importanti wkoll għal Silvio Scerri li se jkun l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni l-ġdid fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li taħt għandu, fost l-oħrajn, l-Esplora. Hu se jkun qed jieħu r-rwol li kien okkupat mnn Jeffrey Pullicino Orlando li x-xahar li għadda tneħħa minn Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija wara tlettax-il sena jokkupa din il-kariga.
L-eżerċizzju ta’ musical chairs orkestrat direttament minn Kastilja issa jinkludi wkoll lill-Orkestra Nazzjonali u anki lit-Teatru Manoel, żewġ entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru Owen Bonnici u li dan l-aħħar ħarġu aħbarijiet xejn sbieħ dwaru, inkluż dwar fastidji sesswali. Il-każ ‘Sigmund Mifsud’ kien fl-aħbarijiet fil-jiem li għaddew wara li vjolinist Għawdxi impjegat mal-Orkestra Nazzjonali ammetta każ ta’ fastidju sesswali fuq kollega tiegħu, u sussegwentement dak li kien Kap Eżekuttiv tal-Orkestra, ċioè Sigmund Mifsud, spiċċa tressaq il-Qorti u kien akkużat li ndaħal fil-każ u l-intraċċ tal-provi, f’kelma waħda allegatament għamel minn kollox biex hija ma tagħmilx rapport mal-Pulizija. Sigmund Mifsud spiċċa bil-libertà miċħuda u nżamm arrestat fil-Ħabs.
Imbagħad il-każ ‘Massimo Zammit’ li hu sospiż minn Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel fl-isfond ta’ għadd ta’ allegazzjonijiet mill-aktar serji fil-konfront tiegħu bil-każ saħansitra jinsab quddiem il-Pulizija.
//= $special ?>