Dawk viċin jitkellmu ma’ Il-Mument u jiżvelaw kif Clint Flores, għax hu meqjus bħala ta’ Joseph Muscat, qed ikun żvantaġġjat minn dawk f’Kastilja li qed jimbuttaw lil Steve Ellul li hu preferut minn Robert Abela
Diverġenza ġdida bejn il-grupp tal-Prim Ministru Robert Abela u dawk favur l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat din id-darba fir-rigward tal-kandidati li se jkunu qed jikkontestaw għall-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej, liema elezzjoni hi prevista li ssir f’Mejju tal-2024.
Għalkemm fadal tmintax-il xahar għal din l-elezzjoni, diġà fil-Partit Laburista hemm qasmiet bejn il-kandidati Laburisti li se jkunu qed jikkontestaw din l-elezzjoni u fuq quddiem nett ta’ dan il-kunflitt hemm żewġ ismijiet pjuttost ġodda dak tal-Analista Finanzjaru u Bankier Steve Ellul li hu wkoll Konsult tal-Ministru Miriam Dalli u Clint Flores u dak tal-Kap Eżekuttiv u Bankier Clint Flores li hu ferm viċin tal-grupp leali lejn Joseph Muscat.
Għalkemm il-Partit Laburista għadu fil-fażi li jgħaqqad lit-tim tiegħu għall-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej, diġà huma stabbiliti numru ta’ fatturi, fosthom li l-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant mhux interessat li jerġa’ jikkontesta għal din l-elezzjoni.
L-istess bħalma jingħad għal Alex Saliba li dawk ta’ Kastilja jħossu li wkoll ma qatax figura tajba daqs kemm stennew. Għaliex ta’ Kastilja jħossu li lil hinn minn Alfred Sant, tul din il-leġislatura fil-Parlament Ewropew kienet l-Ewro Parlamentari Laburista Josianne Cutajar li rnexxielha tagħmel suċċess. Josianne Cutajar hi fil-good books ta’ Robert Abela u hi mbuttata min-nies tiegħu.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju u direttament minn Kastilja, qed jintgħażlu l-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej u waħda mill-għażliet waqgħet fuq il-Lettur Steve Ellul li spiss ħafna jkun mistieden mhux biss fuq il-midja Laburista, imma anki fuq il-midja tal-Istat biex jipparteċipa fid-diversi talk-show li jintwerew. Il-kordinatur tal-midja Laburista, bi strateġija speċifika, qed jimbuttaw bis-sħiħ lil Steve Ellul li hu wkoll benjamin kbir tal-Ministru Miriam Dalli maħtur minnha f’diversi rwoli importanti fid-dekasteru mmexxi minnha.
Dan kollu qed jurta bis-sħiħ lill-kandidat prospettiv ieħor Laburista Clint Flores li fid-dawl tal-lealtajiet tiegħu lejn Joseph Muscat, qed jara bl-aktar mod ċar kif Steve Ellul qed ikun spiss ippreferut aktar minnu fl-għażliet li jagħmel il-Partit għar-rigward tal-opinjonisti li jintbagħtu jitkellmu f’ismu.
Sorsi infurmati viċin ħafna ta’ Clint Flores, li min-naħa tiegħu hu viċin ħafna ta’ nies bħall-Eks Ambaxxatur għall-Belġju Ray Azzopardi, Jason Micallef li jmexxi l-istazzjon One u Manwel Cuschieri li għadu kemm tqaċċat minn One, żvelaw magħna li l-kandidat prospetti tagħhom qed jifhem tajjeb kif hu, għaliex hu meqjus bħala ta’ Joseph Muscat, qed ikun diskriminat minn dawk li jmexxu l-midja tal-Partit Laburista. Naturalment kollox orkestrat minn Kastilja li tagħti d-direttivi hi ta’ x’għandu jitwettaq miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Sorsi infurmati viċin it-Tmexxija tal-Partit Laburista li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument żvelaw magħna li l- impenn ta’ dawk f’Kastilja hu li wara l-elezzjoni ta’ Mejju ’22 il-Partit Laburista jrid li jkollu tim ta’ Deputati Parlamentari Ewropej ġdid li jkun jinkludi lill-Ewro Parlamentari eżistenti Josianne Cutajar u lil dak li se jkun kandidat Laburista Steve Ellul.
Dan kollu jfisser li ta’ Kastilja mhux se jkunu qed jagħtu l-appoġġ tagħhom la lil Cyrus Energer u Alex Saliba li diġà huma fil-Parlament Ewropew u anqas lil Clint Flores li se jkollu għadma iebsa x’jiffaċċja anki għaliex fl-għalqa issa jidher li se jidħlulu terzi persuni li wkoll qed jgħidu li se jkunu qed jikkontestaw din l-elezzjoni f’isem il-Partit Laburista.
//= $special ?>