Lokali

L-interessi tat-tfal fiċ-ċentru tal-politika tagħna għax huma s-soċjetà ta’ għada – PN

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tat-Tfal, il-Partit Nazzjonalista jawgura l-ġurnata t-tajba lit-tfal kollha ta’ Malta u Għawdex, li huma l-għożża mhux biss tal-ġenituri, iżda wkoll tas-soċjetà kollha.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ.

Il-Partit Nazzjonalista jagħraf li, minħabba li t-tfal huma dipendenti fuq l-adulti għall-iżvilupp tagħhom, huma vulnerabbli u jeħtieġu protezzjoni. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jfakkar u jinsisti fid-drittijiet li għandhom igawdu t-tfal u li għandhom iħarsuhom fl-iżvilupp tagħhom, drittijiet imsejsin mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal min-Nazzjonijiet Uniti, (UNCRC, 1989). Fuq kollox, irridu nassiguraw li dawn id-drittijiet ikunu mħarsa.

Id-drittijiet tat-tfal jinkludu d-drittijiet bażiċi għall-ikel, ilma nadif u housing, kif ukoll għas-saħħa, edukazzjoni, ħajja fil-familja, logħob u rikreazzjoni, livell ta’ għajxien adekwat, kif ukoll li jkunu protetti minn kull abbuż u periklu.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex it-tfal u l-interessi tagħhom ikunu dejjem fiċ-ċentru tal-politika tagħna għax it-tfal tal-lum huma s-soċjetà ta’ għada.