Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ir-‘ritorn’ ta’ Donald Trump fuq Twitter

Il-proprjetarju ġdid ta’ Twitter, Elon Musk, qal li reġa’ attiva l-‘account’ tal-eks President Amerikan Donald Trump wara li l-istess Musk kien mexxa stħarriġ biex jara jekk l-abbonaturi ta’ Twitter jaqblux ma’ dan il-pass.

Donald Trump se jerġa’ jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti fl-2024 u fl-aħħar sigħat, xi 52 fil-mija fost 15-il miljun abbonatur ta’ Twitter ivvutaw biex hu ma jibqax projbit minn dan il-platform soċjali.

Madankollu, Trump, issa, qed jgħid li ‘ma jarax raġuni għalfejn għandu jirritorna fuq Twitter’ wara li l-‘account’ tiegħu kien iffriżat, fl-2021, minħabba s-sogru li l-eks President seta jinċita lin-nies għall-vjolenza wara li kien tilef l-elezzjoni presidenzjali fil-konfront tal-Mexxej Amerikan attwali, Joe Biden.

Donald Trump kien spiċċa projbit minn Twitter jiem biss wara li l-partitarji Repubblikani kienu assedjaw il-White House ta’ Washington waqt li l-Kungress kien qed jipprova jiċċertifika r-rebħa ta’ Biden fl-elezzjoni ta’ Novembru tal-2020.