Lokali

“Serħan il-moħħ għat-tobba iżda rridu nkunu kawti”

“Jekk inbexxqu l-bieb tal-abort inkunu għamilna għażla iżda din il-liġi l-ġdida għandha tkun ta’ kontribut ta’ ġid fil-konfront tal-mara.”

Dan qalu l-Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna tul iċ-ċelebrazzjoni djoċesana tal-festa liturġika ta’ Kristu Re fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fejn waqt l-omelija l-Monsinjur Scicluna qal li Ġesù kien bniedem li kien ikkundannat għal eħrex esekuzzjoni fejn issallab għalina, b’Ġesù Kristu għandu saltna ta’ verita’, ħajja, imħabba, ġustizzja, tas-sewwa kif ukoll tas-sliem.

Huwa aċċena li Ġesù qatt mhu se jimponi l-għażliet tiegħu fuqna għaliex hu tana l-libertà li hija l-ogħla sinjal ta’ mħabbtu lejn il-bnedmin.

L-Arċisqof Scicluna qal li s-soċjetà bħalissa qiegħda f’mument importanti ħafna għaliex il-Gvern se jressaq quddiem il-Parlament leġislazzjoni li se taffettwa lil ħafna. Din se toffri serħan il-moħħ għall-mara u hija kelma ċara, preċiża u ta komfort li se ssarraf f’kontribut ta ġid.

Huwa tenna li din se toffri parametri ta rispett tal-ħajja kif ukoll tal-umanità tal-bniedem. L-Arċisqof qal li t-tagħlim favur il-ħajja mit-tnissil sal-mewt naturali tal-bniedem mhuwiex suġġett li jista’ jiġi xi darba nnegozzjat.

Huwa rrimarka li meta jara l-aħbarijiet u jara tfajliet li huma mċaħħda mill-edukazzjoni qalbu timtela bis-swied il-qalb. Huwa qal li din hija sitwazzjoni traġika li fis-seklu 21 għad hawn soċjetajiet fejn il-mara trid titħabat sabiex tifla tmur l-iskola.

Huwa saħaq li bħala soċjetà għandna d-dover li nkunu ta’ sostenn u sapport għal mara b’mod speċjali meta ssib ruħha f’sitwazzjoni diffiċli għaliex finalment irid jingħata kont ta’ kif tkun trattata l-mara.

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.