Lokali

SKANDLU TESTIJIET TAL-KAROZZI: Rapporti jindikaw li uffiċjal ta’ Ian Borg kienet f’kuntatt ma’ Clint Mansueto

Wieħed min-numri li intużaw biex jinżamm kuntatt dirett ma’ Clint Mansueto kien in-numru ta’ Glorianne Micallef Portelli; Kap tal-Customer Care tal-Ministru Ian Borg. Dan ħareġ waqt li fil-Qorti komplew il-proċeduri relatati ma’ dan l-iskandlu serju, fejn ġew preżentati listi bin-numri li magħhom kien jikkomunika Mansueto – li bħalissa jinsab sospiż minn TM.

Mansueto qed ikun akkużat b’indħil biex għaddew persuni mit-test tal-liċenzja tal-karozza. Hu minn naħa tiegħu qed jiċħad.

Skont TheShiftNews, Clint Mansueto kien iżomm kuntatt dirett mal-core team ta’ Ian Borg. TheShift ikkuntatjaw direttament lil Micallef Portelli, li minn naħa tagħha ammettiet li dak kien in-numru tat-telefown tagħha.

L-istess kamra tal-aħbarijiet saqsiet għaliex kienet iżomm kuntatt ma’ Mansueto biex jgħaddu n-nies mit-test tal-karozza, iżda skont TheShift, hi instemgħet aġitata u qaltilhom jibgħatu email.

Fil-Qorti, rappreżentant tal-kumpanija Epic qal li l-messaġġi lejn il-mobile ta’ Mansueto kienu ġejjin fost l-oħrajn minn telefown reġistrat f’isem Maria Assunta Camilleri, u numru ieħor reġistrat mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.