Raġel Taljan ta’ 25 sena, residenti l-Imġarr, żgiċċa minn taħt għajnejn ta’ Uffiċjali waqt li kien qed jistenna barra l-awla fil-Qorti fejn kien se jitressaq akkużat b’numru ta’ serqiet fl-Imġarr u l-Mosta matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru.
Giuseppe Condello Borg deher għall-aħħar darba il-kuritur barra l-awla tal-Maġistrat Noel Bartolo waqt li kien suppost qed jistenna biex jitressaq quddiemu.
Iżda meta s-seduta kienet se tibda, l-Ispettur prosekutur Godwin Scerri ħareġ barra l-awla biex isejjaħ lill-akkużat u rritorna jinforma lill-Maġistrat li l-uffiċjali kienu għadhom kif infurmawh li Condello Borg kien żgiċċalhom.
Kien hawn li l-Maġistrat infurmahom li l-kawża ma setgħetx issir mingħajr l-akkużat u wara li rtira mill-kamra, Noel Bartolo informa lill-prosekuzzjoni u lill-avukat difensur, Jacob Magri, li l-akkużi jridu jitneħħew mir-reġistru tal-Qorti u li t-Taljan irid jerġa’ jitressaq meta jerġa’ jinstab.
Intant, ftit tas-sigħat wara, l-allegat ħalliel reġa’ nstab mill-Pulizija u tressaq il-Qorti b’akkuża miżjuda li ħarab minn taħt idejn il-kustodja tal-Pulizija.
//= $special ?>