Lokali Parlament

Gvern arroganti li ma jinteressahx mill-poplu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch qal fil-parlament li min ma jipprovax jindirizza l-problema tal-faqar, taż-żidiet fil-prezzijiet u tat-tnaqqir tal-kwalità tal-ħajja, ikun insensittiv. Min minflok jieħu azzjoni ma min verament jikser il-liġi u jipprova jeħodha maż-żgħir, huwa bully.

Min jipprova jgħaddi qisu romblu minn fuq kulħadd minkejja li jkollu min qed isejjaħ għad-djalogu u d-diskussjoni, huwa arroganti. Dik hi s-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha llum. Dak hu l-Gvern li qed imexxi l-Prim Ministru Robert Abela. Gvern Arroganti li ma jinteressah minn xejn u minn ħadd għajr il-ftit tal-qalba. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’dawn it-tliet leġiżlaturi ta’ Gvern Laburista żgur li spikkat l-arroganza. Arroganza li taħt dan il-Prim Ministru kompliet tikber u mhux ftit. L-aħħar eżempju hu l-każ tal-Kummissarju għall-Istandards.

Għall-għebbusija ta’ rasu se jibqa’ għaddej u se jumilja lill-ex Prim Imallef Joseph Azzopardi quddiem il-poplu Malti u Għawdxi. Bernard Grech qal li ilna sentejn ninsistu għad-diskussjoni dwar l-Ombudsma; ilna sentejn nuruk l-id tal-ħbiberija imma għażilt it-triq li taqdef għal rasek… it-triq tal-arroganza.

Għax din hi l-għaqda nazzjonali li jemmen fiha Robert Abela. L-arroganza ta’ Robert Abela hi bla limitu u biex tgħaddi tiegħu se jibqa’ għaddej romblu minn fuq kulħadd. Tant li issa anke qed jgħid li se jibdel il-liġi biex tkun tista’ tgħaddi tiegħu. Stil ta’ prim ministru li ma jafx x’inhu rispett lejn id-demokrazija, sostna Bernard Gerch.

Hu qal li f’din is-sitwazzjoni hemm bżonn iż-żewġ terzi tal-voti biex in-nominat ikun approvat u b’dan il-mod bl-attitudni tiegħu Robert Abela se jkompli juri kif jew li jrid hu jew iħarbat.

Sitwazzjoni li qed twassal biex kwalunkwe każ li jitressaq quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma jiġix investigat u ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni dwaru għax hekk jaqbillu Robert Abela. Inqisu li l-kummenti tal-Prim Ministru li jrid ibiddel il-liġi dwar kif jinħatar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika bħala anti-demokratiċi u irresponsabbli ntiżi biss biex ikissru l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Il-PN iddikjara qbil mal-ħatra tal-Ombudsman iżda mhux man-nomina għall-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja Pubblika.L-Oppożizzjoni kienet talbet biex titressaq mozzjoni biex Joseph Zammit McKeon jinħatar Ombudsman filwaqt li appellat biex ikomplu d-diskussjoniijiet biex jintlaħaq qbil fuq il-Kummissarju għall-Istandards. Iżda l-Prim Ministru qed jibqa’ jagħmel ta’ rasu.

L-Iskandlu ta’ Owen Bonnici

Pero issa qed naraw ukoll arroganza u sens ta’ superjoritá li għalihom ma jista’ ħad, tant li anke vittmi ta’ fastidju sesswali qed jiġu njorati minn dan il-Gvern u l-Prim Ministru jibqa’ ċass quddiem dan kollu.

Prim Ministru fil-kabinett tiegħek għandek ministru li kien jaf b’każ ta’ fastidju sesswali u baqa’ ma għamel xejn, ma marx għand il-Pulizija jirrappurtah. Mhux talli ma għamel xejn talli l-vittma ħallset l-ogħla prezz … kellha tirriżenja hi minn xogħlha, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Għaddew iktar minn 15-il ġurnata u għadna b’ammont ta’ mistoqsijiet li baqgħu mhux imwieġba imma l-arroganza tiegħek u ta’ sħabek tiżboq kollox, taħsbu li ma jista’ għalikom ħadd.

Prim Ministru hemm barra hemm nies vittmi ta’ fastidju sesswali u l-messaġġ li tajt hemm barra hu li ma jimpurtakx minnhom. Lil min iwettaq l-abbuż qed tgħidlu u timlieh bil-kuraġġ biex darb’oħra ma jiddejjaqx jagħmel l-istess. Għax l-attitudni ta’ xejn mhu xejn, s-sens ta’ impunitá li qed twassal hemm barra qed ikompli jaqta’ qalb il-poplu ġenwin tagħna, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Din mhix il-pożizzjoni tal-PN biss, rajna l-Women’s Lobby tiddikjara t-tħassib tagħha għall-aġir tal-Ministru. Sitwazzjoni tassew tat-tħassib. X’qed tistenna Prim Ministru biex tieħu azzjoni kontra l-ministru responsabbli? Ilkoll nafu li l-pożizzjoni tal-Ministru llum m’għadhiex tenibbli u int tibqa’ żżommu hemm, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Arroganza fil-Parlament

Il-Parlament, bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, jixraqlu ħafna aħjar. Ma jistax ikun jibqa’ jkollna Ministri u Segretarji Parlamentari li ma jidħlux fil-Kamra tar-Rappreżentanti biex, għal tal-apposta, ma jwieġbux il-mistoqsijiet li l-Membri Parlamentari jagħmlu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin.

Qed naraw li l-arroganza tal-Ministri, jew saħansitra l-biża’ li jaffaċċjaw il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni qed twassal biex lill-poplu ntuh disservizz.

Infakkar li nhar it-Tlieta li għadda, Membri Parlamentari raw lill-Ministru Aaron Farrugia ħiereġ mil-lift fl-4.20pm, minkejja li kien jaf li kellu jwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari 20 minuta qabel. Sa dan il-mument, il-Ministru Owen Bonnici wieġeb f’isem sieħbu Aaron Farrugia, bil-Ministru tat-Toroq jagħżel li jaħrab milli jidħol fil-Kamra tar-Rappreżentanti u, minflok, jistaħba fil-bini tal-Parlament; għax beża jwieġeb dwar skandlu ieħor fi Transport Malta

Quddiem din iċ-ċirkostanza, u ladarba l-Gvern baqa’ ma tax spjegazzjoni, intalab ruling mill-Ispeaker, li min-naħa tiegħu iddikjara nuqqas mill-Ministru Farrugia, filwaqt li talab lill-Ministri biex ikunu fil-Kamra tar-Rappreżentanti biex iwieġbu l-mistoqsijiet li jsirulhom.

Is-Sedja mhux biss irreferiet għar-responsabbiltà kollettiva, iżda wkoll għar-responsabbiltà individwali ta’ Aaron Farrugia, kif ukoll li l-Ministri għandhom jaġixxu skont il-Kodiċi ta’ Etika.

Il-Ministru Farrugia għadu ma ntalabx jagħti spjegazzjoni ta’ għemilu quddiem il-Kummissarju tal-Istandards għax ovvjament Robert Abela qed jibqa’ jimpika fuq din il-kariga; ikaxkar saqajh apposta għax ma jridx li jkun hemm min jinvestiga.

Dan ir-ruling storiku qas biss kien rappurtat fuq ix-xandir pubbliku. Hekk kif il-ħakma ta’ dan il-Gvern fuq ix-xandir pubbliku tkompli anke bi sfida ta’ sentenza tal-qorti.

Aaron Farrugia naqas għax, bħala Ministru tat-Trasport, qed jinganna lill-poplu, ladarba ma jridx iwieġeb għad-domandi li qed isirulu mid-deputati li, fuq kollox, jirriflettu s-sentiment tan-nies.

Il-poplu hu inkwetat ukoll bl-iskandli li qed iseħħu f’dan il-Ministeru, fosthom dak tal-flyovers tal-Marsa, il-mod kif inħarġu liċenzji bi pjaċir u aktar riċenti l-aggressjoni minn uffiċjali ta’ Transport Malta fuq sewwieq li twaqqaf għall-kontroll.

Aaron Farrugia għadu ma lissen l-ebda kelma u għalhekk, ‘Ministru ġorr ftit responsabbiltá u tgħallem x’inhi responsabbiltá. Ministru għandek settur sensittiv li fih qed naraw ammont ta’ traġedji rekord. Telf ta’ ħajjiet u flok il-ministru jaġixxi qed narawh jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu’, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

It-toroq tagħna sa issa din is-sena ħallew xejn inqas minn 24 vittma u aktar minn 1,000 persuna midruba. Jekk se nibqgħu ngħaddsu rasna fir-ramel, inwaħħlu fil-festi, fil-pulizija u f’miljun skuża oħra se nibqgħu nisimgħu b’inċidenti u traġedji ma kull jum li jgħaddi.

L-isptarijiet ta’ Vitals

Bernard Grech qal li dan hu Gvern arroganti għax qed jibqa’ jwebbes rasu dwar l-kuntratt tat-tliet sptarijiet. Dan hu Gvern li qed jibqa’ jimpala l-miljuni lill-barranin minflok jinvesti l-flus fejn verament hemm bżonn f’saħħet il-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Prim Ministru kellu l-isbaħ opportunitá li jiddikjara li se jwaqqaf dan il-kuntratt. Imma le f’dan il-budget rajna l-konferma ta’ kif dan il-Gvern se jibqa’ jaġevola lil ta’ Steward.

Din is-sena il-Gvern reġa’ zied is-somma li se tingħata lil Steward. Għall-Isptar ta’ Għawdex hemm allokati €46 miljun. Għall-isptar Karin Grech hemm €23 miljun oħra. Imbagħad hemm item ieħor għal Karin Grech ta’ kwazi €13-il miljun. Jiġifieri Steward ser jieħdu €82 miljun. Is-sena l-oħra ħadu €62 miljun. Jiġifieri f’sena waħda Steward se jingħataw 30 fil mija iżjed mis-sena l-oħra. X’qed jagħmlu bihom dawn il-flejjes kbar Steward? Li nafu żgur hu li s-sena l-oħra ghamlu €6 miljuni qligħ minn fuq darna. Flus misruqin mis-saħħa tal-poplu.

Il-gvern qed jaqta’ l-flejjes ghal servizzi essenzjali bħal l-istrateġija tal-obeżità u għal manutenzjoni tal-apparat tal-isptar. Imma qed jibqa’ jippompja l-miljuni lil entità li għandha tagħti lil pajjiż €37 miljun li ġabret bil-VAT u ma ħallsithomx.

Baqa’ xi ħadd f’dan il-pajjiż li għandu l-iċken dubju għaliex dan il-Gvern qed jisraq lill-poplu tiegħu stess biex ta’ Steward jistgħanew; €6 miljun profitt is-sena l-oħra biss, iżjed minn €80 miljun lura din is-sena li ġejja.

Is-sitwazzjoni tal-Awtoritá tal-Kannabis

Bernard Grech qal li każ ieħor klassiku ta’ Gvern u Prim Ministru arroganti kienet l-aħbar li tat-tkeċċija ta’ Mariella Dimech mill-Awtoritá li tirregola l-użu tal-Kannabis.

Inqas minn sena wara li l-Gvern daħħal b’għaġla liġi mingħajr qafas regolatorju b’saħħtu dwar l-użu tal-kannabis, illum qed naraw li l-Gvern falla.

L-istess nies u organizazzjonijiet li ħadmu biex il-liġi li tidħol fis-seħħ qed jgħidu lill-Gvern li l-liġi li kellha tkun is-soluzzjoni biex tnaqqas l-weġgħat fis-soċjetà minflok qed twassal għal weġgħat ikbar.

Għaxar xhur ilu, il-PN, 53 organizazzjoni u esperti mill-qasam soċjali, permezz ta’ numru ta’ stqarrijiet u dikjarazzjonijiet, kienu wissew li l-Gvern kien qed jiżbalja meta għaġġel bir-riforma qabel ma kien hemm is-sistema regolatorja imwaqqfa.

Dan għaliex din l-Awtorità m’għandhiex il-qafas legali biex twettaq dak li twaqqfet għalih u għalhekk hija ta’ detriment għas-soċjetá tagħna. Kif qalet Mariella Dimech stess, l-istrateġija ma kienetx fid-direzzjoni t-tajba.

Il-Gvern jista’ jibqa’ jibdel il-Kap Eżekuttiv, imma m’hu se jkun qed isolvi xejn jekk ma jindirizzax il-problema minn għeruqha.

Dak li ġara fl-Awtoritá dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis huwa konferma li l-Gvern m’huwiex kompetenti u wisq inqas sensittiv fejn jidħlu deċiżjonijiet li jolqtu lit-tfal, żgħażagħ u lill-vulnerabbli.

Bernard Grech qal li anke f’dan il-każ nesiġu biex il-Gvern ma jkomplix miexi fit-triq tal-arroganza u jagħti widen, għall-ġid tas-soċjeta’ tagħna, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli li jistgħu jispiċċaw ukoll vittma tas-sistema li ħoloq il-Gvern ta’ Robert Abela.

Il-Gvern irid jara li l-qafas regolatorju jkun imsaħħaħ immedjatament, kif għandu jkun, biex il-liġi tkun verament effettiva.

L-emendi għal-liġi għat-terminazzjoni tat-tqala

L-arroganza ta’ dan il-Gvern u b’mod partikolari Robert Abela kompliet toħroġ fid-deher meta nhar is-Sibt li għadda dawwar f’ballun politika l-emenda dwar it-terminazzjoni tat-tqala, li l-gvern ippreżenta propju issa. Il-PN se jiddiskutieha u jagħti l-pożizzjoni.

Jekk kien fadal xi dubju kemm Malta għandha Prim Ministru li jaġixxi b’mod partiġġjan f’kollox ħadniha s-Sibt meta fil-Konferenza Ġenerali tal-Labour sfida l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappoġġja l-emenda dwar it-terminazzjoni ta’ tqala li tipperikola l-ħajja jew is-saħħa tal-omm.

Imissu jistħi l-Prim Ministru li waqt li l-emenda ilha lesta baqa’ ma ippubblikahiex u minn fuq jisfida lill-Oppożizzjoni taqbel ma emenda li għadha ma ratx id-dawl tax-xemx.

Dan hu atteġjament kundannabbli li jkasbar l-elementi essenzjali ta’ demokrazija u djalogu fuq ħwejjeġ ta’ interess nazzjonali.

L-emenda li l-Prim Ministru stess qed jipproponi għal-liġi tal-abort, li huma delikati u sensittivi, issa qed jagħmilhom hu stess ballun partiġġjan f’forum politiku tal-partit tiegħu stess.

Ninnotaw b’dispjaċir li l-Gvern, permezz tal-ministru li jidher li se jippilota l-abbozz ta’ liġi inkwistjoni, uża biss konferenza stampa dwar emendi importanti għal-liġijiet ta’ pajjiżna bla ma ppubblikahom għall-informazzjoni u l-iskrutinju tal-pubbliku u tas-soċjetà ċivili, l-għaqdiet tat-tobba, sostna Bernard Grech.

Din il-ħaġa turi li l-Gvern jittratta bi tkażbir u stmerrija l-iċken diskussjoni oġġettiva mis-soċjetà wiesgħa fil-pajjiż. Il-Prim Ministru qed jippretendi li kulħadd jaqbel ma’ emendi li kien għadu lanqas biss ippubblika. L-Oppożizzjoni, min-naħa tagħha, se tagħti l-pożizzjoni tagħha dwar dawn l-emendi issa li l-Gvern ippubblikahom. Dan hu xi jsir f’pajjiżi serji. Iżda s-serjetà dan il-Prim Ministru ma tafx fejn toqgħod.

L-arroganza fis-settur tas-saħħa

Jekk hemm settur li l-arroganza ta’ dan il-Gvern qed tirrenja fih hu dak tas-saħħa. Il-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum mill-problemi kbar li jeżistu fl-Isptar Mater Dei, minkejja li għal dan in-nuqqas qed iħallsu l-aktar l-anzjani.

Bernard Gerch qal li ilna diversi xhur jwissi lill-Gvern li n-nuqqas ta’ azzjoni biex isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ infermieri fl-isptarijiet tagħna qed twassal biex l-anzjani li jidħlu f’Mater Dei qed jintbagħtu d-dar, anke jekk ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom jew ikollhom bżonn ta’ kura aktar speċjalizzata.

Hemm ukoll l-MUMN li qed tgħid dan. Fl-aħħar jiem rajna wkoll anzjani li qed jintbagħtu d-dar kontra l-volontà tagħhom u saħansitra jinħarġu mill-isptar bil-pulizija mikejja li ma kienx għadu ħareġ iċ-ċertifikat li m’għandux COVID.

Każ riċenti wassal biex anzjan ta’ 84 sena li nħareg mill-isptar mill-Pulizija nstab mejjet id-dar mill-istess Pulizija fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Għal anzjan intbgħat il-pulizija iżda lil min jabbuża l-gvern jgħinuhom jaħarbu mill-ġiustizzja.

Il-fatt li sal-lum il-Gvern għadu ma ċaħadx dak li ilhom jgħidu l-PN, l-unions, l-anzjani infushom u l-familjari tagħhom jikkonferma l-insensittività ta’ dan il-Gvern, li għadu ma għarafx li hemm bżonn azzjoni immedjata biex is-sitwazzjoni tkun riżolta.

L-anzjani qed ikunu ttrattati minn dan il-Gvern bħala numru u qed jitqiesu bħala piż.

Il-PN se jkompli jkunu l-vuċi tal-anzjani kollha u se jkompli jesiġi li l-anzjani tagħna jkunu ttrattati minn dan il-Gvern b’dinjità, filwaqt li jingħataw l-aqwa kura u assistenza biex ikunu jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba.

Hu qal li hemm il-problema tal-mediċini out of stock. Issa anke l-insulina hi out of stock meta din hi mediċina kruċjali għas-settur tad-dijabete.

Il-Gvern: baqa’ ma ħoloq l-ebda Reġistru Nazzjonali ta’ persuni li jbatu mid-dijabete u għalhekk, ma nafux bl-eżatt kemm hemm persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni. Baqa’ ma bena l-ebda sistema li timmonitorja l-inċidenza u l-prevalenza tad-dijabete;

Baqa’ ma appoġġjax l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabetiċi, tant li lanqas biss bagħat rappreżentant tiegħu għal-laqgħa annwali tagħhom u għadu lanqas biss beda letteratura dwar id-dijabete għall-komunità;

Il-Gvern baqa’ qatt ma ħoloq informazzjoni elettronika dwar il-pazjenti bid-dijabete u baqa’ ma ħoloqx sistema aktar effiċjenti ta’ appuntamenti għall-monitoraġġ tal-effetti tad-dijabete fuq l-għajnejn u s-saqajn.Il-Gvern aqa’ ma żiedx l-investiment biex ikabbar il-faċilitajiet ortotiċi u prostetiċi u ma għamel xejn biex iżid ir-riżorsa umana, tant li ma għamel l-ebda investiment fit-taħriġ ta’ ortotisti, bis-sitwazzjoni tibqa’ mhux sostenibbli.

Il-Gvern m’għamel xejn biex itejjeb l-istock ta’ antibiotics għal infezzjonijiet relatati mad-dijabete, tant li diversi mediċini ilhom out of stock għal diversi ġimgħat u m’għamel xejn għal programmi ta’ edukazzjoni u appoġġ lill-istaff fl-iskejjel biex ikunu identifikati u indirizzati emerġenzi relatati mad-dijabete fost it-tfal; Il-Gvern m’għamel xejn dwar il-wegħda biex ikun żviluppat programm teknoloġiku għall-professjonisti mediċi dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tad-dijabete.

Dik hi l-arroganza u l-inkompetenza li qed tmexxi biha dan is-settur. Faċli ħafna niġu npinġu sitwazzjoni sabiħa hawn ġew hemm ir-realtá hemm barra hi waħda li tnissel tħassib frustrazzjoni u rabja.

Il-Prim Ministru għandu soluzzjoni billi jarrab l-arroganza u jisma’, jisma’ dak li qed jgħidulu n-nies. Isma’ minn dak li qed jgħidulek il-unions u l-imsieħba soċjali. Isma’ minn dak li ngħidulek aħna minn din in-naħa u mhux għax aħna speċjali imma għax aħna qed inwasslu l-karba tan-nies. Il-PN ilu jgħidlek warrab l-impunitá u minflok ara li jkun hemm governanza tajba, b’awtoritajiet li jagħmlu xogħlhom kif suppost. Investi fejn għandek tinvesti biex tara l-istituzzjonijiet qed jaħdmu kif suppost.

Indirizza l-problema tal-kwalitá tal-ħajja. Indirizza l-faqar li qed jiżdied, indirizza l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-familji Maltin bl-għoli tal-ħajja, indirizza l-problema tat-traffiku li qed tkun ta’ piż kbir fuq l-ekonomija, fuq saħħet in-nies b’mod partikolari s-saħħa mentali, sostna Bernard Gerch.