Lokali

Il-Ministru Bonnici jikkonferma li lanqas kellem lil Sigmund Mifsud malli sar jaf bil-każ

Il-Ministru Owen Bonnici mhux talli ma rrapportax lill-Pulizija meta sar jaf bil-każi ta’ fastidju sesswali fl-Orkestra….iżda issa, jidher li lanqas biss idenja ruħu jkellem lil min kien responsabbli mill-impjegati f’din l-entità.

Meta mistoqsi minn Net News jekk kellimx lill-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Sigmund Mifsud, malli sar jaf bil-każ fi ħdan l-istess Orkestra…il-Ministru evita għal kollox milli jwieġeb din id-domanda.

Fil-jiem li għaddew, Owen Bonnici kien ikkonferma li huwa ma rrapportax lill-Pulizija iżda kien kellem lill-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri – bil-Ministru jgħidilna li kien ċar biżżejjed fit-tweġibiet tiegħu.

Mistoqsi għalfejn il-vittma tħalliet 3 snin sħaħ f’din is-sitwazzjoni, sakemm saħansitra spiċċat kellha titlaq mill-impjieg tagħha – Bonnici saħaq li issa għaddejjin proċeduri fil-Qorti.

Filwaqt li insista li huwa jidhirlu li mexa korrettament fid-deċiżjonijiet li ħa.

Wara sensiela ta’ domandi, Owen Bonnici kkonferma li malli waslitlu l-informazzjoni dwar dan l-abbuż serju…. mhux talli ma kellimx lill-Pulizija sabiex jinvestigaw minnufih, iżda lanqas biss ħa ħsieb li jkellem lill-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra. Dan fost it-tentattivi ta’ interruzzjoni minn naħa taċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta…Jason Micallef.

B’rabta ma’ dan il-każ għaddejjin proċeduri fil-Qorti fejn filwaqt li hemm persuna li ammettiet li wettqet fastidju sesswali fuq din l-impjegata, liema ħati ngħata sentenza sospiża – il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra, l-eks kandidat Laburista Sigmund Mifsud, jinsab barra fuq pleġġ akkużat li pprova jostor il-każ.