Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-mexxejja dinjija talli laħqu ftehim storiku li għalaq ilbieraħ, fit-tmiem tal-COP27: il-fond tal-“loss and damage” għal pajjiżi vulnerabbli, ftehim li jiġġieled għal dawk li huma l-aktar miltquta biex ma jitħallewx l-art.
Fi tmiem il-COP27, il-Partit Nazzjonalista jawgura li l-Gvern ikun kapaċi jwettaq dak li jgħid barra minn xtutna, speċjalment meta wieħed jikunsidra l-istqarrijiet tal-Prim Ministru matul l-istess konferenza.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Eve Borg Bonello.
Kif jinsabu l-affarijiet bħalissa, pajjiżna għadu ’l bogħod ħafna mill-miri meħtieġa għal azzjoni klimatika sinifikanti. Pajjiżna jaffaċċja 576 mewta kull sena kawża tal-kwalità ħażina tal-arja, bil-pjan nazzjonali tal-enerġija u l-klima għadu qed jiġi kkritikat mill-Kummissjoni Ewropea għan-nuqqas ta’ ambizzjoni tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern Malti jrid jaħdem aktar fejn jidħlu l-miri klimatiċi, għall-ġejjieni tagħna u għaż-żgħażagħ, primarjament is-70% minnhom li ma jemmnux li jistgħu jibnu futur f’pajjiżna. Partikolarment bħala pajjiż li ddikjara stat ta’ emerġenza klimatika.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti li l-pjanijiet ikunu mwettqa u biex inkunu innovaturi f’kull settur, mill-enerġija rinovabbli għat-trasport li lkoll iservu għall-futur
//= $special ?>