Lokali Qorti

Il-Qorti tinforma lis-Sigurtà Soċjali biex jinvestiga mara li kienet taf min kien il-missier naturali ta’ tnejn minn uliedha

Il-Qorti tal-Appell f’deċiżjoni li tat saħqet li omm ta’ żewġt itfal li kienet reġistrata bħala “single mother” u dan biex tkun tista tikkwalifika u tieħu l-benefiċċji soċjali għandha tiġi investigata għal frodi wara li kienet hi stess ressqet każ dwar l-abbuż suspettat billi talbet għal ħlasijiet ta’ manteniment fil-konfront ta’ missier naturali taż-żewġt itfal u li kien jgħix mal-omm.

Il-mara kienet irreġistrat iż-żewġt itfal tagħha taħt “missier mhux magħruf,” u b’hekk talbet benefiċċji soċjali waqt li kienet tgħix mal-missier naturali tat-tfal, li kkontribwixxa għaż-żamma tal-familja. Għal snin sħaħ, hija sostniet li kienet tgħaddi biss bil-benefiċċji soċjali u xi għajnuna finanzjarja minn ommha waqt li trabbi tlett itfal, li tnejn minnhom kienu l-wild naturali tar-raġel li fil-fatt kienet qed tgħix miegħu.

L-abbuż ħareġ fid-dawl f’kawża mressqa mill-mara quddiem il-Qorti tal-Familja, sentejn wara li l-koppja tkissret u hija talbet lill-eks sieħeb tagħha għall-manteniment. Ir-relazzjoni tal-koppja bdiet fis-sena 2000 meta dak iż-żmien ta’ 17-il sena kienet “single mother” ta’ tifel ta’ 18-il xahar.

Sentejn wara, il-koppja kellhom l-ewwel iben tagħhom, segwit mit-tieni wild ħames snin wara. Il-koppja kienet tgħix flimkien fid-djar tal-ġenituri tagħhom, filwaqt li l-missier ikkontribwixxa għall-bżonnijiet ta’ kuljum tat-tfal, billi jixtri ħalib tat-trabi, ħrieqi, ħwejjeġ kif ukoll spejjeż mediċi.

Iktar tard sostniet li s-sieħeb tagħha kien iddepożita r-rigali kollha fi flus li rċeviet fil-magħmudija tat-tfal fil-kont bankarju personali tiegħu stess bl-intenzjoni speċifika li juża dawk il-fondi biex jixtri u jirranġa dar, u jibdilha fid-dar tal-familja tagħhom.

Ir-raġel eventwalment xtara d-dar wara li ħa self bankarju kif ukoll għotja taħt skema tal-Awtorità tad-Djar. Sadanittant, il-mara kompliet titlob il-benefiċċji soċjali bħala omm ‘single’, filwaqt li tat daqqa t’id f’bar imħaddem mis-sieħeb tagħha dak iż-żmien. Din is-sitwazzjoni kompliet għas-snin ta’ wara. Fl-2009 il-koppja u wliedhom marru joqogħdu fid-dar irranġata fejn baqgħu jgħixu flimkien sa Lulju tal-2013.

Ftit wara li marru fid-dar il-ġdida, r-raġel qatta’ xi seba’ xhur bla xogħol wara li kien involut f’inċident. Matul dak il-perjodu, huwa gawda minn benefiċċji tal-mard u donazzjonijiet ta’ karità sakemm kien tajjeb biżżejjed biex jikseb impjieg ieħor. Madwar dak iż-żmien, wara li l-awtoritajiet tas-servizzi soċjali bagħtu għall-omm, il-benefiċċji soċjali tagħha tnaqqsu.

Konsegwentement, fl-2010, il-koppja ffirmaw ftehim privat li bih il-missier obbliga ruħu li jgħaddi €100 fix-xahar. Dan kien segwit bi ftehim ieħor li jiffissa l-manteniment għaż-żewġ subien għal €200 fix-xahar. Is-somma totali fix-xahar żdiedet għal €400 meta r-raġel sab impjieg ġdid.

Il-mara aktar tard irrimarkat li dawk il-flus, miżjuda mal-benefiċċji soċjali tagħha stess, intużaw biex ikopru l-ispejjeż għall-familja kollha, inkluż is-sieħeb tagħha li kellu l-istess residenza. Fl-2013, wara li r-relazzjoni tagħhom intemmet, ir-raġel kompla jagħtiha €60 fil-ġimgħa. Iżda wara xi sitt xhur, il-ħlasijiet waqfu.

Dakinhar il-mara bdiet tibgħatlu ittri ġudizzjarji li fl-aħħar mill-aħħar irriżultaw f’talba għal manteniment u arretrati quddiem il-Qorti tal-Familja. Fl-2021, dik il-qorti ddikjarat li r-raġel kellu jħallas il-manteniment biss għall-iben iż-żgħir, li llum għandu 15-il sena, kif ukoll nofs l-ispejjeż relatati mal-edukazzjoni, attivitajiet extrakurrikulari u s-saħħa.

It-talba tal-omm għal arretrati ta’ manteniment ġiet miċħuda. Dik id-deċiżjoni wasslet għal appell mill-omm u appell inċidentali mill-missier. Meta xehed fil-proċeduri fl-2020, il-missier qal li kważi l-arretrati kollha kienu tħallsu. Huwa lmenta li l-mara rrifjutat li tagħtih dettalji ta’ kont bankarju fejn seta’ jiddepożita l-flus u li hija dejjem semmiet il-pagamenti ta’ ‘relief’ tagħha bħala skuża.

Il-verżjoni tar-raġel aktar kredibbli

Wara li eżaminat il-provi mressqa, ​​il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-verżjoni tal-imputat kienet aktar kredibbli, u kkonfermat li kien baqa’ jħallas il-manteniment sa Settembru tal-2014. L-uniċi ħlasijiet pendenti kienu relatati ma’ terminu ta’ 15-il xahar bejn Ottubru 2014 u Diċembru 2015.

L-omm sostniet li binha l-kbir kien qed jistudja ‘full-time’ u rnexxielha tgħaddi biss bl-għajnuna ta’ ommha u xi kontribut minn binha l-kbir li kellu xogħol full-time. Ir-raġel aċċetta li jħallas il-manteniment għaż-żewġ ulied iżda kkontesta l-ammont mitlub.

Fl-2019, il-mara ppreżentat prospett ta’ spejjeż li kien meqjus eċċessiv mill-eks sieħeb tagħha. Issa ta’ 40 sena, il-mara argumentat li “kien tard wisq” għaliha biex tfittex impjieg u barra minn hekk, hija nieqsa mill-kwalifiki meħtieġa. Hija kienet rabbiet uliedha u ħadet ħsieb ukoll lil omm l-imputat. Madankollu l-Qorti rrimarkat li kien hemm żmien meta l-mara kellha impjieg, anke jekk mhux reġistrata.

Barra minn hekk, l-iben ta’ 20 sena seta’ jfittex impjieg part-time biex isostni lilu nnifsu waqt li jistudja, osservat il-qorti. Kienet l-għażla tal-mara li ma taħdimx għalkemm kellha ħafna aktar snin biex tmur sal-età tal-pensjoni u llum il-ġurnata kien hemm ħafna opportunitajiet biex tieħu taħriġ u takkwista ċertifikati f’diversi oqsma tax-xogħol.

It-tfal tagħha issa kienu kbar biżżejjed biex ma jeħtieġux il-preżenza kostanti tagħha fid-dar, osservat il-qorti. Meta kollox ġie kkunsidrat il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Giannino Caruana Demajo bħala president, flimkien mal-Imħallfin Tonio Mallia u Anthony Ellul, qablu li l-prospett tal-mara kien eċċessiv, minħabba l-mezzi modesti teigħu.

Filwaqt li ddikjara li l-missier kellu jżomm iż-żewġ ulied, somma fix-xahar ta’ €450 għat-tnejn kienet biżżejjed, sakemm it-tfal komplew bl-istudji tagħhom sal-età ta’ 23 sena. Il-Qorti ffissat ukoll is-somma ta’ arretrati għal €6,000, li għandhom jitħallsu fi 30 pagament bin-nifs fix-xahar u ordnat liż-żewġ partijiet iġarrbu nofs l-ispejjeż.

Fl-aħħar nett, il-Qorti ordnat in-notifika tas-sentenza lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jiġu investigati u jittieħdu passi kif meħtieġ fid-dawl ta’ benefiċċji mħallsa lill-omm waqt li kienet f’relazzjoni mar-raġel, meta kienet taf sewwa li min kienet taf li hu kien il-missier naturali tat-tfal. L-avukati Ludvic Caruana u Janice Borg assistew lill-imputat.