Lokali

Il-Valletta Air “żgur mhux tagħna” – Clyde Caruana

Possibilità li l-Valletta Air ġiet irreġistrata minn linja tal-ajru Litwena

Il-futur tal-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta għadu wieħed inċert għall-aħħar, għad-detriment tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.

F’Ottubru, fil-konferenza ta’ wara l-budget quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, konferenza li ġiet tiswa mal-€14,000, mistoqsi dwar il-linja tal-ajru l-Prim Ministru żerżqitlu il-possibilità tat-tieni linja tal-ajru – l-Air Malta 2. Turija cara li hemm pjan qed jinħema biex tinghalaq il-linja nazzjonali.

Madanakollu fl-aħħar xhur rapporti fuq il-midja lokali fosthom Mavio News indikaw il-possibilità ta’ kumpanija tal-ajru ġdida bl-isem ta’ Valletta Air. U meta mistoqsi dwarha…il-Ministru Clyde Caruana qatt ma ċaħad.

Matul dan ix-xahar, siti online li jispeċjalizzaw fis-settur tal-avjazzjoni indikaw li kumpanija tal-linja tal-ajru Litwena, Heston Airlines – li topera fl-industrija fl-Ewropa u ‘lil hinn minnha ħabbret li se tkun qed tniedi fergħa f’Malta wkoll….bil-fergħa mistennija tkun msemmija proprju Valletta Air.

Skont kif indikat mir-rapport allegatament il-Litweni laħqu ħaffu passejhom aktar mill-Gvern Malti.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li din il-linja tal-ajru mistennija takkwista l-AOC, l-Air Operator Certificate,  sal-ewwel 3 xhur tas-sena, bil-kumpanija mistennija topera sas-Sajf tas-sena d-dieħla.

It-Tnejn waranofsinhar Net News staqsa lill-Ministru Clyde Caruana jekk jistax jikkonferma dan kollu…b’Caruana ma jiċħadx.

Għaldaqstant l-inċertezza għadha waħda kbira, inkluż  jekk il-linja tal-ajru nazzjonali hux se tibqa tal-istat jew taqleb għall-privat.