Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia inawgura l-wirja artistika ‘The AFTERmath……..’ ta’ Etienne Farrell u Mark Mallia. Wirja li hija ispirata minn vjolenza, imwiet, nies midruba u l-ħerba fl-Ukrajna b’riżultat tal-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa bi ksur tal-liġi internazzjonali u l-ordni tas-sigurtà fid-dinja.
Din il-wirja fil-Parlament qed issir b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba. Fil-ftuħ uffiċjali, taw sehemhom Owen Bonnici, Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u Julie Zahra, Kelliema għall-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura. Preżenti kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari Katya De Giovanni.
Waqt il-kelmtejn li għamel, l-Ispeaker semma li din il-gwerra nisslet fina biżà reali li l-umanità tgħaddi minn gwerra kbira oħra, hekk kif għadd ta’ pajjiżi ngħaqdu ma’ naħa jew oħra, x’uħud minnhom għandhom ħażna ta’ armi tal-qerda tal-massa. Hu kompla billi qal li dawk involuti għandhom jagħrfu responsabbiltà tal-azzjonijiet tagħhom kemm fir-rigward tas-sigurtà ta’ pajjiżhom, iżda wkoll l-effett ħażin u negattiv fuq is-sigurtà tal-Ewropa u fid-dinja. Qal li mhux sew li pajjiżi kbar, bi dritt tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà fil-Ġnus Magħquda, minflok ma jkunu ta’ eżempju fil-ħarsien tar-regoli tal-istess Karta tal-Ġnus Magħquda, jaslu biex huma stess jiksru dawn ir-regoli, jużaw il-forza kontra pajjiż ieħor, jinjoraw l-integrità territorjali ta’ pajjiżi oħra b’aggressjoni li ġġib tant vittmi, nies midruba u ħerba.
L-Ispeaker fakkar fl-inizjattiva li ttieħdet fis-snin sebgħin permezz tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (CSCE) bil-għan li tonqos it-tensjoni fl-eqqel tal-Gwerra l-Bierda. Dak iż-żmien il-pajjiżi fl-Alleanza Atlantika u dawk fil-Patt ta’ Varsavja resqu lejn xulxin biex joħolqu ambjent ta’ fiduċja u jnaqqsu l-possibbiltà ta’ konflitt fl-Ewropa u fid-dinja. Fakkar ukoll li dak iż-żmien, it-tensjoni fl-Ewropa kienet bdiet tinfirex f’pajjiżi u f’kontinenti oħra kemm fl-Afrika, fl-Ażja u lejn il-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u l-Amerika Latina. Dr Farrugia qal li l-intervent ta’ Malta f’dik il-konferenza kien intiż primarjament biex it-tensjoni bejn iż-żewġ superpotenzi tonqos mhux biss fl-Ewropa, iżda anke f’reġjuni oħra fid-dinja. Għalhekk, il-Gvern Malti insista li din il-konferenza tagħraf li s-sigurtà fl-Ewropa hi intrinsikament marbuta mas-sigurtà ta’ stati fil-Mediterran. B’mod aktar wiesgħa, dan kien ifisser l-importanza tas-sigurtà Ewropea fl-Afrika, fl-Ażja, fil-Lvant Nofsani u f’inħawi oħra, iżda din ir-relevanza politika għadha valida llum u tajjeb li wieħed isaqsi x’sar mill-mekkaniżmi rigward is-sigurtà, il-koperazzjoni u l-aspett uman fi ħdan din l-organizzazzjoni favur is-sliem u l-paċi mhux biss fl-Ewropa iżda anke fid-dinja.
Qal li minn tmien it-Tieni Gwerra Dinjija sal-lum, il-gwerer u l-konflitti reġjonali ma naqsu qatt, b’mijiet ta’ eluf ta’ vittmi jisfaw mejta kull sena. Il-bnedmin qatt ma tgħallmu mill-imgħoddi tagħhom. Hawn sellem il-memorja ta’ nies kbar li għarfu s-sinjali taż-żminijiet u ħadu deċiżjonijiet kuraġġużi favur is-sliem u l-paċi. Fost dawn l-Ispeaker semma lil Gandhi tal-Indja, Nelson Mandela fl-Afrika ta’ Isfel li ħadem kontra s-segregazzjoni razzjali, Mikhail Gorbachev, missier glasnost u perestroika, Yitzhak Rabin u Yasser Arafat li kkoperaw flimkien favur il-paċi dejjiema bejn Iżrael u l-poplu tal-Palestina.
Il-wirja se tkun miftuħa sa nhar il-Ħamis, 24 ta’ Novembru 2022, kuljum bejn id-9am u l-5pm.
//= $special ?>