Lokali Qorti

Jammetti li bagħat ittri ta’ theddid lill-persuni pubbliċi oħra fosthom Simon Busuttil

Anzjan li f’Ottubru li għadda ammetta li bagħat ittri anonimi ta’ mibegħda lil diversi persuni pubbliċi, irreġistra t-tieni ammissjoni wara li l-prosekuzzjini ppreżentat aktar ittri lil aktar persuni fosthom lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Joseph Mary Borg, ta’ 71 sena mill-Belt Valletta, reġa’ spiċċa il-Qorti kważi xahar minn meta ammetta li kiteb u bagħat ittri anonimi, mimlija thedded u insulti lil diversi politiċi u persuni pubbliċi.

Wara li fil-bidu kien ċaħad l-akkużi, Borg kien sussegwentement irreġistra ammissjoni li kkonferma f’Ottubru wara li ngħata żmien biżżejjed biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu. Il-Maġistrat Astrid May Grima, imbagħad iddifferiet il-każ għal Diċembru għat-tfassil ta’ rapport ta’ qabel is-sentenza.

Madankollu, meta fadal ftit ġimgħat għal dik is-seduta, il-pulizija t-Tnejn ippreżentaw akkużi ġodda kontra Borg. Fil-Qorti ntqal li numru ta’ persuni pubbliċi oħra resqu ‘l quddiem biex jirrappurtaw li huma wkoll irċevew ittri simili. Fosthom kien hemm l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u sieħba tuiegħu Kristina Chetcuti, il-viċi president tal-NGO Repubblika Alessandra Dee Crespo u l-professur Vicki Ann Cremona, attivista fi ħdan l-NGO.

L-Ispettur Kevin Pulis ippreżenta numru ta’ ittri kollha theddid, li ġew ppreżentati fil-Qorti f’folder tal-plastik, flimkien ma’ stqarrija maħruġa mill-akkużat fl-għassa tal-Belt Valletta. Qabel ma ammetta, l-avukat difensur Henry Antoncich għamel sinjal lill-ħati liu kien fl-iżbarra sabiex ikun jista’ jagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn l-ittri mibgħuta minnu.

L-anzjan li kien fuq krozza, l-anzjan ħares lejn l-ittri, u konferma li kien bagħthom hu. L-avukat tiegħu mbagħad informa lill-Maġistrat Astrid May Grima, li l-klijent tiegħu kien qed jirreġistra ammissjoni. Il-każ imbagħad ġie pospost għax-xahar id-dieħel biex il-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet finali.

L-Avukat Jason Azzopardi, li kien qed jirrappreżenta lil Busuttil u Chetcuti, issuġġerixxa li peress li l-akkużi, iż-żmien u l-akkużat kienu l-istess bħal dawk fil-proċeduri l-oħra, ir-rapport ta’ qabel is-sentenza jista’ japplika għaż-żewġ kawżi. Dak is-suġġeriment deher li sab qbil kemm mal-prosekuzzjoni kif ukoll mal-qorti.

Fl-ewwel każ, il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina, l-eks Deputat Jason Azzopardi u sieħbu, kif ukoll id-Deputati tal-PN Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u Ryan Callus kienu kollha fil-mira tal-ittri miktubin bl-idejn u li spiċaw fil-letter box tad-dar tagħhom jew fil-Parlament.

Fil-mira kien ukoll il-Professur tal-kirurġija u l-opinjonista Kevin Cassar. Meta xehed fil-qorti, Azzopardi kien irrakkonta kif dawk l-ittri, imniżżla b’kitba distintiva u mimlija b’termini vulgari, kienu kkaġunawh “snin ta’ turment.” Is-sieħba tiegħu, Flavia Borg Bonaci, kienet xehdet kif l-ittri mogħtija fl-indirizz tad-dar tagħha kienu kważi wassluha għal “paranojja”. Il-President ta’ Repubblika Aquilina ddeskriva l-ittri bħala “fotokopji” tan-narrattiva tal-Partit Laburista, u indika li l-anzjan kien verament persuna “brainwashed”. Il-każ ikompli.