Lokali Qtil Politiku

Kawżi pendenti fil-Qorti fil-konfront ta’ Yorgen Fenech 3 snin mill-arrest tiegħu

L-Erbgħa 20 ta’ Novembru 2019, il-ħin, il-5.30 ta’ filgħodu, lanċa tal-Forzi Armati ta’ Malta interċettat yacht lussuż bl-isem Gio ‘l barra minn Pembroke u eskortatu lura lejn il-marina ta’ Portomaso minn fejn kien għadu kif telaq fi ftit anqas minn siegħa qabel.

Fuqu kien hemm in-negozjant, Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia – bl-ewwel indikazzjonijiet kienu qed juru li Fenech kien se jaħrab mill-pajjiż, u minn hemm ġie arrestat għal aktar stħarriġ mill-Pulizija.

Tliet snin mill-arrest tiegħu, il-familja tal-ġurnalista għadha tistenna li ssir ġustizzja sħiħa għal dan l-assassinju barbaru, bil-kawżi kollha fil-Qorti fil-konfront ta’ Yorgen Fenech għadhom pendenti mingħajr ebda ħjiel ta’ konklużjoni.

Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista, fakkar dan it-3 anniversarju mill-arrest billi semma’ kif l-investigaturi mill-iskwadra tal-Pulizija tal-omiċidji li interrogaw lil Yorgen Fenech xehdu taħt ġurnament fil-Qorti kif l-allegat kompliċi ammetta li ħallas man-nofs miljun ewro għall-assassinju ….u sabiex jixtri s-silenzju ta’ nies oħra diġà kkundannati.

Dan l-arrest kien ġab miegħu rabja kbira fost il-poplu Malti li ħareġ bi ħġaru jipprotesta kontra l-qrubija ma’ Fenech tal-eks Prim Ministru Muscat u dawk ta’ madwaru li bi kliemhom u għemilhom ippruvaw jostru dan l-assassinju; protesti li wasslu għall-waqa’ ta’ Joseph Muscat minn Kastilja wara l-famuż lejl li fih tlaqqa’ l-Kabinett – l-istess lejl meta ġiet irrifjutata t-talba għall-maħfra presidenzjali fil-konfront ta’ Yorgen Fenech.