Lokali Qorti

Kolumbjan jispiċċa l-ħabs wara li ttraffika d-droga f’Paceville

Kolumbjan intbagħat il-ħabs u mmultat wara li ammetta li traffika d-droga f’Paceville. Carlos Alberto Patino Herrera, ta’ 24 sena residenti San Ġiljan,li kien ġie arrestat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara li l-pulizija nnotaw il-karozza tiegħu “li kienet suspettuża” u ddeċidew li jfittxuha anke minħabba l-fatt għal mod ta’ kif huwa kien qed jaġixxi.

Ġewwa l-karozza nstabu tliet qratas roża ta’ sustanzi illegali li ġew preżentati lill-qorti bħala prova mill-Prosekuzzjoni, issiġillati f’borża tal-plastik trasparenti. Huwa kien mixli bi traffikar ta’ droga u sustanza psikoattiva ġdida, traffikar ta’ ecstasy kif ukoll pussess tad-droga f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux biss għall-użu personali.

Patino Herrera, assistit minn interpretu li jitkellem bl-Ispanjol, irreġistra ammissjoni li kkonferma wara li ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidra u kien imwissi li l-akkużi kellhom possibbiltà ta’ priġunerija. Kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża ssuġġerew piena minima.

Fid-dawl ta’ dik l-ammissjoni bikrija u wara li sema’ s-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, il-Maġistrat Noel Bartolo ikkundanna lill-akkużat għal sitt xhur ħabs u multa ta’ €500, filwaqt li rrimarka li din il-piena kienet il-minimu previst mil-liġi. L-Ispetturi Keith Xerri u Jonathan Pace mexxew il-Prosekuzzjoni. L-Avukat Noel Bianco kien avukat difensur.