Lokali

L-attivitajiet tal-Milied fil-Kapitali

Ix-xahar tal-Milied jinsab ftit jiem biss ‘il bogħod iżda ċ-ċelebrazzjonijiet diġa’ bdew deħlin ġmielhom… partikolarment fil-Belt Valletta. Dan hekk kif wara pawża ta’ attivitajiet għal sentejn sħaħ kawża tal-pandemija tal-Covid-19, se jkunu qed jirritornaw iċ-ċelebrazzjonijiet fil-kapitali…bi ‘Christmas in the Capital’ organizzata mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Filwaqt li l-attivitajiet huma kompletament mingħajr ħlas – kollox għandu jibda fil-25 ta’ Novembru u jibqgħu sejrin sal-31 ta’ Diċembru b’eċċezzoni għal Jum il-Milied.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija spjega li mill-25 ta’ Novembru mistennija jimlew Pjazza Ħelsien bl-ilwien numru ta’ siġar tal-Milied, kif ukoll fi Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti. Dan filwaqt li mistennija jiġu installati wkoll dwal artistiċi fi Triq Nofsinhar u saħansitra presepju biswit il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Ġie spjegat ukoll li mis-7 ta’ Diċembru fi Pjazza San Ġorġ se jibdew jintwerew projezzjonijiet filwaqt li matul dawn il-jiem kollha se jkun hemm diversi eżebizzjonijiet artistiċi bil-parteċipazzjoni ta’ skejjel tal-kant u żfin, baned rinomati u kantanti stabbiliti akkumpanjati wkoll minn produzzjonijiet teatrali.

Kollox jilħaq il-qofol tiegħu fl-10 ta’ filgħaxija lejlet l-ewwel tas-sena.

Kull attività organizzata hija mingħajr ħlas għal dawk li se jattendu.