Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-ewwel partita wara 64 sena għal Wales fit-Tazza tad-Dinja

GRUPP B – STATI UNITI V WALES

Fl-aħħar logħba tal-lum, li se tkun it-tieni waħda minn Grupp B insibu l-Istati Uniti jiltaqgħu kontra Wales. L-Istati Uniti għandhom it-tieni l-iżgħar skwadra f’din il-kompetizzjoni b’età medja ta’ 25.2 fejn huma biss il-Ghana li għandhom medja età izgħar li hija ta’ 24.7. Fuq in-naħa l-oħra, għal Wales din se tkun logħba storika wara li ilhom ma jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja mill-1958 fejn inqalgħu fil-kwarti finali kontra t-tim li eventwalment rebaħa, il-Brażil.

Iż-żewġ timijiet ser ikunu qed jiġġieldu għal-tlett punti li jafu jkunu kruċjali għal-kwalifikazzjoni, speċjalment minħabba li l-Ingliterra jinsabu l-favoriti li jksbu l-ewwel post fil-grupp.

Christian Pulisic ta’ Chelsea huwa meqjus bħala wieħed mill-aħjar talenti fil-Premier Ingliż u l-attakkant ta’ 24 sena jista’ jagħti dik in-naqra iżjed sabiex it-tim immexxi minn Gregg Berhalter jikkwalifika għar-rawnd li jmiss. Meta ssemi l-Wales fil-kuntest ta’ futbol modern, ma taħseb f’ħadd ieħor ħlief fl-eks plejer ta’ Real Madrid Gareth Bale. Huwa fatt li forsi l-attakkant ta’ Los Angeles m’għadux li kien ftit ta’snin ilu, pero Bale dejjem jibqa mfakkar bħala plejer li jista’ jagħmel id-differenza fl-iktar mumenti importanti għat-tim tiegħu.