Internazzjonali

L-Indoneżja: Talanqas 50 mejtin u mijiet ta’ midruba wara terremot qawwi fil-gżira ta’ Java

Terremot li rreġistra kważi ‘sitta’ fuq l-Iskala Richter laqat il-gżira ewlenija ta’ Java, bir-riżultat li tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 50, b’mijiet oħra jisfaw midruba – uħud minnhom kritikament.

L-epiċentru tat-theżżiża kien indikat fil-belt ta’ Cianjur, f’Java tal-Punent, u kellu fond ta’ għaxar kilometri.

Intant, it-terremot seta’ jinħass anki fil-kapitali Jakarta, xi 100 kilometru ‘il bogħod minn Java, u fejn għexieren ta’ nies spiċċaw evakwati mill-bini għoljin minħabba l-konsegwenzi potenzjali.

F’Jakarta, il-ħaddiema fl-uffiċini ħarġu jiġru mill-bini partikulari fost xeni ta’ paniku fid-distrett tal-kapitali magħruf għall-kummerċ u l-attivitajiet soċjali – u waqt li t-theżżiż tal-art baqa’ jinħass għal aktar minn minuta.

Fl-aħħar sigħat, l-uffiċjali wissew dwar il-possibbiltà tat-theżżiż sekondarju u qed jistennew li ċ-ċifra tal-mejtin għandha titla’ sew.

L-inħawi li jinkwadraw fiz-zona l-milquta huma mimlijin bir-residenti u kull theżżiża tal-art kważi dejjem tipproduċi l-valangi — għalkemm għalissa ma daħlux rapporti partikulari dwar żvilupp ta’ dan it-tip.

Sar magħruf ukoll li n-nies li wieġbu għall-emerġenza rnexxielhom isalvaw mara u t-tarbija tagħha mill-fdalijiet ta’ dar li ċediet immedjatament fit-theżżiża l-kbira.

L-isptarijiet f’Java qed ikomplu jilqgħu lill-midruba mit-terremot li qed jaslu minn diversi zoni. Dan fost indikazzjonijiet li ndarbu bejn 700 u 1,000 persuna b’kaġun tat-terremot.

Sadanittant, hemm ħafna familji fil-villaġġi tar-reġjun li baqgħu mhumiex evakwati fost l-emerġenza – u fost il-biża’ dwar terremot kbir ieħor.

Il-filmati mill-inħawi, fl-istess ħin, baqgħu juru l-qerda mit-terremot, b’numru sinifikanti ta’ djar, ħwienet u stabbilimenti oħra jew jikkrollaw inkella jġarrbu ħsarat kbar.

L-agħar li ntlaqtu f’dan il-każ kienu l-bini fir-reġjun ta’ Cianjur, bl-Aġenzija Indoneżjana li twieġeb għal dawn l-Emerġenzi tikkonferma li fost dawn il-bini hemm talanqas sptar wieħed u boarding school għall-istudenti Iżlamiċi.