Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Ingilterra jiskorjaw sitta u jiddominaw kontra l-Iran

(Ritratt: EPA)

INGILTERRA..…………6

IRAN……………………..2

Fl-ewwel logħba minn Grupp B l-Ingilterra għelbu faċilment lill-Iran 6-2 fejn sal-ewwel taqsima l-iskwarda mmexxija minn Gareth Southgate kienet diġa 3-0 minn fuq.

Wara biss tmien minuti l-Iran tilfu lill-goalkeeper Beiranvand f’ħabta ma plejer tat-tim tiegħu stess bil-partita ddum wieqfa għal madwar għaxar minuti. Minkejja li Beiranvand prova jkompli, ftit wara talab li jkun sostitut hekk kif deher stordut. L-ewwel azzjoni perikoluża waslet mill-Ingilterra man-nofs siegħa logħob meta kien Bukayo Saka li qassam lejn Mason Mount iżda l-plejer ta’ Chelsea ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-ġenb tax-xibka. Żewġ minuti wara l-Ingilterra jkunu sfortunati meta minn kross ta’ Trippier id-daqqa ta’ ras Maguire ħabtet mal-mimduda.

Fil-35 minuta t-Three Lions fetħu l-iskor permezz taż-żgħażugħ Jude Bellingham li minn kross ta’ Luke Shaw bir-ras għeleb lil-gowlkeeper sostitut Hosseini. It-tim immexxi minn Gareth Southgate irdoppja fit-43 minuta meta Maguire niżżel bir-ras fil-kaxxa lejn Bukayo Saka li b’xutt mill-isbaħ tefa’ l-ballun fl-angolu tax-xibka. Għaddew biss tliet minuti u l-Ingliżi għamluhom tlieta. Il-captain Harry Kane ħarab mal-lemin u bi kross preċiż ġab lil Raheem Sterling waħdu li minn taħt il-lasta ma żbaljax biex l-ewwel taqsima ntemmet 3-0 favur l-Ingilterra.

Fit-tieni taqsima t-tim Ingliż kompla fejn ħalla fl-ewwel 45 minuta u fit-62 minuta skorja r-raba’ gowl. Kienet azzjoni mibdija minn Raheem Sterling li għadda lejn Bukayo Saka li daħal fil-kaxxa u wara li qabeż żewġ plejers tefa’ l-ballun wara Hosseini biex għaqqad doppjetta personali. Tliet minuti wara l-Iranjani fl-ewwel xutt lejn il-lasti tal-Ingilterra naqsu d-distakk meta Gholizadeh għadda lejn Mehdi Teremi li mingħajr ma qad jaħsibha venven xutt b’saħħtu li wara li ħabat mal-mimduda għeleb għal kollox lil Pickford.

L-Iranjani ma damux igawdu dan il-gowl hekk kif fil-71 minuta Marcus Rashford, li kien ilu biss minuta fil-pitch skorja b’xutt bil-baxx wara pass ta’ Harry Kane. It-tim Ingliż skorja s-sitt gowl fid-90 minuta meta minn kross tas-sostitut Callum Wilson li sab lil Jack Grealish li bi prattikament lasta vojta tefa’ ġew bl-iskor isir 6-1. Wara għaxar minuti ta’ ħin miżjud, fl-aħħar sekondi l-Iran ingħataw penalty wara li John Stones deher jiġbed avversarju fil-kaxxa. Mill 11-il metru kien Mehdi Teremi li tefa’ lil Pickford naħa u l-ballun in-naħa l-oħra għal skor finali ta’ 6-2 favur l-Ingilterra.