Internazzjonali

L-Istati Uniti: ħames persuni jitilfu ħajjithom wara sparatura f’nightclub

Ħames persuni tilfu ħajjithom wara li kien hemm sparatura f’nightclub f’Colorado fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, tal-anqas 25 persuna ġarrbu l-ġrieħi kaġun ta’ dan l-attakk.

L-attakk seħħ il-Ħadd filgħaxija għal ħabta tal-11:30.

Is-Sindku ta’ Colorado John Suthers qal li żewġ persuni li kienu fuq il-post ikkonfrontaw lill-aggressur u rnexxielhom iżommuh sakemm waslu l-awtoritajiet. Huwa qal l-azzjoni li ħadu dawn iż-żewġ minn nies kien att ta’ erojiżmu. Huwa tenna li bis-saħħa tagħhom ġew salvati diversi persuni għaliex kieku ma kinux huma kien ikun hemm ħafna aktar fatalitajiet.

F’post fuq il-midja soċjali tan-nightclub ukoll faħħar l-erojiżmu ta’ dawn in-nies filwaqt li qalu li l-hate crimes fuq il-komunita’ LGBTIQ għandhom jieqfu b’mod immedjat b’mod speċjali f’postijiet fejn in-nies li jiffurmaw parti minn din il-komunita’ għandhom iħossuhom siguri.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-aggressur daħal f’dan in-nightclub u spara diversi tiri filwaqt li baqa’ miexi ‘il ġewwa iżda l-investigazzjoni għadha għaddejja.

L-aggressur huwa żagħżugħ ta’ 22 sena li bħalissa jinsab fil-kustodja tal-Pulizija.