Internazzjonali

L-Ukrajna: Tkompli t-theddida ta’ diżastru nukleari fost il-bumbardamenti

L-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-enerġija atomika bdew jevalwaw il-ħsarat fil-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia wara li z-zona mill-ġdid spiċċat mira għall-bumbardamenti. L-Ukrajna u r-Russja t-tnejn qed jakkużaw lil xulxin b’li qed iwettqu l-isplużjonijiet u l-bumbardamenti fuq is-sit ta’ din il-faċilità li hi l-akbar impjant nukleari fl-Ewropa.

Il-Kap tal-International Atomic Energy Agency (IAEA) Rafael Grossi ikkundanna l-aħħar sparaturi ta’ missili fis-sit tal-faċilità u wissa dwar il-potenzjal ta’ diżastru nukleari b’messaġġ simili għall-qawl li jgħid li ‘il-ġarra ġejja u sejra xi darba trid tinkiser’

Fil-fatt, l-aħħar bumbardamenti laqtu lill-inħawi ftit metri biss ‘il bogħod mis-sistemi għall-kontroll tas-sigurtà fil-faċilità, li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tar-Russi, L-istess faċilità kemm-il darba spiċċat f’periklu li tintlaqat direttament minn missila fiż-żmien kollu li ilha għaddejja l-Gwerra fl-Ukrajna.

L-aħħar bumbardamenti qed isegwu numru ta’ disfatti militari għar-Russi fir-reġjun ta’ Kherson, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna. Dan ukoll waqt li l-Armata Russa qed tkompli tibbumbardja l-faċilitajiet tad-dawl fl-Ukrajna biex taċċerta li l-poplu ċivili ma jkollux il-mezzi għas-sħana għal matul ix-xitwa.