Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Net Media b’rappurtaġġ estensiv f’dawn il-jiem tat-Tazza tad-Dinja

Partitarju tal-Qatar waqt it-Tazza tad-Dinja

Hekk kif mill-bieraħ ingħatat bidu għat-22 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, Net Media permezz tal-pjattaformi differenti tagħha, ta’ kuljum qed twassal servizz estensiv ta’ rappurtaġġ dwar din l-akbar kompetizzjoni tal-futbol fid-dinja. Dan qed isir permezz ta’ Net Television, il-portal tal-aħbarijiet netnews.com.mt u l-gazzetti ‘In-Nazzjon’ u ‘Il-Mument’.

Il-bieraħ, mal-gazzetta tal-Ħadd, ‘Il-Mument’ kien ippublikat magażin informattiv bil-Malti qabel il-bidu ta’ din it-Tazza tad-Dinja. Dan il-magażin hu l-uniku wieħed li kien ippublikat f’Malta għal din l-okkazzjoni u dawk kollha li għal xi raġuni mar nexxilhomx jiksbu kopja tiegħu, għadhom biċ-ċans li jagħmlu dan mir-reception ta’ Net Television, f’Tal-Pietá għall-prezz ta’ żewġ ewro.

Fejn jidħol ir-rappurtaġġ ta’ kuljum fuq Net Television, mill-bieraħ il-Ħadd, l-edizzjoni ta’ Net Sports fit-8pm, qed tkun waħda speċjali u li tiffoka dwar dak kollu li qed jiġri fil-Qatar, b’filmati mill-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali AFP, li għandha aċċess f’żoni speċjali u riservati f’din l-ewwel Tazza tad-Dinja f’pajjiż tal-Lvant Nofsani.

L-aħħar stejjer hekk kif iseħħu, inkluż riżultati mill-partiti li qed jintlagħbu kuljum, tistgħu tiksbuhom permezz ta’ aġġornamenti frekwenti ta’ diversi artikli sportivi fuq is-sit elettroniku netnews.com.mt. B-istess mod, kuljum ‘In-Nazzjon’ u ‘Il-Mument’ nhar ta’ Ħadd, qed jirriservaw numru ta’ paġni apposta li jiffukaw b’attenzjoni dwar dan it-turnament fil-Qatar.

Għal darb’oħra, Net Media qed ikun minn ta’ quddiem biex iwassal l-aħħar servizz ta’ rappurtaġġ f’pajjiżna ta’ avveniment ieħor sportiv internazzjonali.