Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Penalty ta’ Gareth Bale jsalva draw għal Wales kontra l-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

STATI UNITI …………………. 1

WALES ………………………… 1

Fit-tieni partita minn Grupp B, fl-Ahmed bin Ali Stadium, l-Istati Uniti u Wales temmew fi draw ta’ 1-1. F’partita movimentata l-Istati Uniti kienu l-aħjar tim għall-maġġor parti tal-partita.

Minkejja dan Wales wettqu reazzjoni lejn tmiem il-partita biex irnexxielhom isalvaw draw, quddiem numru ta’ paritarji minn Wales, li marru fil-Qatar biex jaraw lill-pajjiżhom jilgħab fit-Tazza tad-Dinja wara 64 sena.

L-Istati Uniti fetħu l-iskor fis-36 minuta meta minn azzjoni maħduma tajba, Christian Pulisic sab lil Timothy Weah li wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Wayne Hennessay ma żbaljax għal 1-0.

Minkejja dan, Wales kisbu l-gowl tad-draw fit-82 minuta meta Walker Zimmerman deher iwaqqa’ lil Gareth Bale fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. Mill-ħdax-il metru l-istess Bale ma żbaljax biex skorja il-41 gowl internazzjonali tiegħu.