Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Possibiltà li l-FIFA timmulta lill-pajjiżi li jilbsu l-faxex tal-‘One Love’

AĠĠORNATA: Fi stqarrija konġunta, in-nazzjonijiet li kellhom il-pjan li l-captains tagħhom jilbsu l-faxxa tal-‘One Love qalu li mhux se jkunu qed jagħmlu dan wara li l-FIFA qalet li qed tikkunsidra li mhux biss timmulta iżda anke tissospendi l-plejers li ma jimxux mar-regolamenti tagħha.

L-istqarrija tgħid li bħala federazzjonijiet mhumiex lesti li jpoġġu lill-plejers tagħhom f’riskju li jkunu sospiżi anke minħabba l-fatt li l-prijorità tagħhom hi li jirbħu l-partiti.

Il-ħsieb kien li din l-azzjoni tibda mil-lum hekk kif fl-azzjoni hemm l-Ingilterra, l-Olanda u Wales, tlieta fost in-nazzjonijiet li ħolqu din l-inizjattiva.

Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li l-FIFA lesta li timmulta u saħansitra tammonixxi captains li se jilbsu l-faxex bil-kuluri tal-qawsalla minħabba li wieħed mir-regolamenti jgħid li l-plejers iridu jilbsu ilbies u tgħamir provdut mill-FIFA.Disa’ nazzjonijiet fosthom l-Ingilterra u l-Ġermanja ftehmu li jilbsu faxex bil-kuluri tal-qawsalla u bil-kliem ‘ONE LOVE’ bħala appoġġ lejn persuni LGBTQ+ peress li dawn fil-Qatar m’għandomx drittijiet ugwali.

Skond rapporti fil-Ġermanja issa l-assoċċjazzjoni tal-Futbol Ġermaniża qed tikkunsidra dan il-pass minħabba dawn is-sanzjonijiet li qed jissemmew. Madankollu waqt intervista s-Sibt li għadda l-captain Ġermaniż Manuel Neuer insista li għal-logħba kontra l-Ġappun hu se jkun qed jilbes il-faxxa tal-‘One Love’ Sadanittant, il-kap eżekuttiv tal-FA Ingliża Mark Bullingham qal lil Sky News li huma lesti li jiġu mmultati sabiex Kane jilbes il-faxxa  matul il-fażi tal-gruppi. 

Bullingham qal li meta staqsew dwar din l-inizjattiva ma rċevew l-ebda risposta u għalhekk komplew bil-pjan għax jaħsbu li huwa tassew importanti li juru l-valuri li jħaddnu. Huwa kompla jgħid huwa ta’ dispjaċir għall-Assoċċjazzjoni li ħafna partitarji LGBTQ ma vjaġġawx mat-tim nazzjonali fil-Qatar minħabba n-nuqqas ta’ rispett li jeżisti lejn dawn in-nies fil-pajjiż.