Lokali Parlament

Robert Abela jrid ibiddel ir-regoli tad-demokrazija kif iridhom hu u meta jrid hu – PN

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jqis il-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela li jrid ibiddel il-liġi dwar kif jinħatar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika bħala anti-demokratiċi u irresponsabbli ntiżi biss biex ikissru l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Wara li nqabad jigdeb dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni, Robert Abela poġġa lilu nnifsu dahru mal-ħajt billi ressaq mozzjoni biex jaħtar lil min irid hu bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika meta jaf li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-għażla tal-persuna. Għax jaf li ma tistax tgħaddi tiegħu waħdu, Robert Abela issa jrid ibiddel ir-regoli tad-demokrazija kif iridhom hu u meta jrid hu. Dak li jrid jagħmel Robert Abela huwa theddida serja għad-demokrazija u jmur kontra s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li l-għażla tal-persuna biex tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika mhix fdata lill-Prim Ministru jew lill-Grupp Parlamentari tiegħu waħedhom iżda hija fdata lill-Parlament b’mod sħiħ. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li d-deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika m’għandhiex issir mill-Gvern bis-saħħa tal-maġġoranza li għandu fil-Parlament iżda għandha ssir bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra kif diġà sar fil-passat.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika huwa fdat sabiex jinvestiga lmenti li jsiru dwar il-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra, inkluż il-Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Robert Abela jrid li jkun hu waħdu li jiddeċiedi min għandu jkun li jinvestigah f’każ ta’ lment dwaru jew dwar wieħed minn dawk fdati minnu bħala Ministru jew Segretarju Parlamentari.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li f’pajjiżna għandna diversi persuni li huma magħrufa għall-integrità tagħha u li għandhom s-sens ta’ inizjattiva u l-ħiliet ta’ investigazzjoni li huma l-karatteristiċi meħtieġa li jkollha l-persuna li sservi bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Għalhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jibqa’ f’kull ħin u ċirkostanza disponibbli sabiex jiddiskuti mal-Prim Ministru ismijiet ta’ persuni oħra li huma idonei biex iservu f’din il-kariga tant importanti għal pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-liġi li permezz tagħha ġie mwaqqaf il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għaddiet mill-Parlament f’Marzu 2017 bi qbil u bl-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra. Il-liġi kif inhi fil-preżent kienet imfassla minn Kumitat magħżul tal-Kamra ippresedut mill-Ispeaker u bil-parteċipazzjoni sħiħa ta’ Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Il-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ilha vakanti mill-1 ta’ Ottubru li għadda.