Lokali

“Sibu soluzzjoni minnufih – l-anzjani jeħtiġilhom kura ta’ livell” – Kummissarju għall-Persuni Anzjani

“Nappella għal buonsens tal-partijiet kollha konċernati għaliex is-soċjetà hija fid-dmir li toffri lill-anzjani vulnerabbli u pazjenti akuti, s-servizz essenzjali….f’waqtu u ta’livell għoli.”

Sostna dan il-Kummissarju għall-Persuni Anzjani, il-Professur Godfrey La Ferla fi stqarrija fejn esprima t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li bħalissa l-ammissjonijiet fid-djar ta’ kura għall-anzjani jinsabu ffriżati.

Filwaqt li spjega li hemm ħafna anzjani li wara li jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei jkunu jistgħu jkomplu bil-ħajja indipendenti tagħhom, oħrajn dan ma jkunx possibbli u għaldaqstant ikun jeħtiġilhom li jingħataw l-kura f’residenza għall-anzjani.

Huwa insista li huwa essenzjali li tingħata kura xierqa, f’waqtha kif ukoll umana għal dawn il-persuni daqskemm huwa essenzjali li jkollok sodod disponibbli fi ħdan l-Isptar Mater Dei aktar u aktar la darba issa qed toqrob ix-Xitwa – staġun li sena wara oħra b’mod inevitabbli joħloq affolluar fl-iswali.

Għaldaqstant il-Kummissarju insista li huwa ta’ interess nazzjonali li tinstab soluzzjoni mill-aktar fis bejn il-Gvern, b’mod partikolari l-Ministeri tas-Saħħa u l-Anzjanità attiva u l-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN.

Il-Kummissarju saħaq li bir-raġun l-unjin qed tisħaq fuq id-drittijiet tal-membri tagħha iżda nnota b’dispjaċir li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet iddeterjoraw ħesrem – partikolarment wara l-każ tal-anzjan Charlie Fino, li kien għeb minn San Vinċenz de Paule u nstab mejjet f’Birżebbuġa ftit tal-ġimgħat wara.

Huwa sostna li filwaqt dan il-każ m’għandux jiġi injorat, ma jistax jibqa’ sieket quddiem dan kollu u talab lill-partijiet konċernati sabiex tinstab soluzzjoni immedjata għaliex dan kollu qed iwassal għal traġedji umani oħra.

Huwa temm jgħid li l-umanità tas-soċjetà tixraqilha ħafna aħjar.

Fl-aħħar jiem, id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici żvelat fil-Parlament kif anzjan ta’ 84 sena ġie żgumbrat mill-Isptar Mater Dei minn uffiċjali tal-Pulizija, fejn minflok ittieħed għal kura f’residenza tal-Anzjani, huwa ttieħed id-dar..waħdu u allegatament tilef ħajtu kawża ta’ attakk tal-qalb allegatament kaġun tal-kedda li għaddewh minnha.

Intant, l-MUMN qed tisħaq li l-infermieri jixraqilhom kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar. L-Union qed tinsisti li sforz in-nuqqas ta’ infermieri li hawn fis-settur ma jistax impjegat wieħed jieħu ħsieb sala ta’ 40 pazjent. Għaldaqstant kemm-il darba appellaw lill-Gvern sabiex verament jirrispetta lill-impjegati u mhux magħhom jimxi mod..u ma’ oħrajn jimxi mod ieħor.