Lokali

Huma erba’ l-carers sospiżi minn San Vinċenz wara li allegatament użaw forza eċċessiva fuq pazjent

Huma erba’ l-carers mir-Residenza San Vinċenz de Paule li ġew sospiżi mill-impjieg tagħhom  filwaqt li nħatret investigazzjoni wara li allegatament tnejn minnhom użaw forza eċċessiva ma’ anzjan residenti…b’dan kollu jinqabad fuq filmat. Jidher li kien hemm każ ieħor u żewġ carers oħra spiċaw sospiżi.

Fil-filmat li deher fuq ill-midja soċjali jidher carer iżomm b’ċertu saħħa lill-anzjan fuq is-sodda – bil-pazjent jidher jiprova jħebb għall-carer..b’dan tal-aħħar iżomm id ir-residenti u jimbuttah lura.

Rapport fuq it-Times of Malta identifika lil pazjent bħala l-artist lokali Leonard Portelli… b’Portelli jinstema’ jgħid lil carer biex iħallieh u li ried jieħu n-nifs…dan kollu waqt li l-carer beda jżommu idejh fuq sidru.

Sorsi qrib l-istess ġurnal spjegaw li dan kollu seħħ fil-15 ta’ Novembru. Għall-ewwel kien tnejn il-carers li ġew sospiżi iżda dawn żdiedu għal then oħra wara li kien hemm każ separat ieħor. Fi stqarrija l-Gvern qal li l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz bdiet investigazzjoni fuq l-allegat aggressjoni minn dawn l-erba’ carers.

Intant il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paule, Josianne Cutajar spjegat li filwaqt li ma sar ebda rapport, hija kienet infurmata mill-Pulizija stess dwar il-każ it-Tnejn filgħodu. Hija spjegat li fl-opinjoni tagħha ntużat forza eċċessiva mal-pazjent u saħqet li għaddejja l-investigazzjoni meħtieġa.

Intant kelliema għall-Pulizija kkonfermaw li l-Pulizija qed tinvestiga l-każ u għaddejja inkjesta Maġisterjali.